Awdjo: Tkompli tistudja bl-appoġġ tar-raġel u tlett itfal

Nicolette Bezzina, li ggradwat fil-Psikoloġija, qalet li dejjem xtaqet tkompli l-istudju fil-qasam tax-xjenza, studju li kienet għamlet għall-A levels, iżda ma qatgħetx qalbha minkejja li għandha tlett itfal.
Ma’ Newsbook.com.mt, Nicolette qalet li din hi t-tieni darba li segwiet kors l-Università, l-ewwel darba kienet bħala studenta żagħżugħa.
Meta kellha l-opportunità biex tbiddel ix-xogħol, hi għażlet li tistudja aktar ix-xjenza sabiex ikun jista’ jgħinha fix-xogħol il-ġdid.
Il-kors full-time li qed isegwi bħalissa hu tat-teknoloġija farmaċewtika, u jipprepara lill-istudenti biex jaħdmu fl-industrija tal-importazzjoni, reġistrazzjoni u eżaminar ta’ mediċini.
Meta mistoqsija dwar kif tlaħħaq mal-familja, ix-xogħol u l-istudju, Nicolette qalet li dan mhuwiex faċli u li persuna ikollha bżonn id-determinazzjoni.
Nicolette għandha tlett itfal, tewmin ta’ tlettax-il sena u tifel ta’ seba’ snin, u qalet li minkejja tkun id-dar, it-tfal ikunu jistgħu jgħinu lil xulxin.
Sostniet li għandha l-appoġġ tar-raġel tagħha kif ukoll tan-nanniet.
Issa li dieħla għall-aħħar sena tal-kors, Nicolette qalet li ħafna nies isaqsuha kif tlaħħaq u temmet tgħid li jekk persuna tkun jixtieq xi ħaġa, l-affarijiet jiġu waħedhom, u li persuna trid ikollha fiduċja fiha nnifsha u f’li se jiġri.