Awdjo: “Tkaxkart mal-art, ix-xufier baqa’ għaddej, in-nies għenuni”

Stanley Cardona, ċiklist li b’mod regolari jsuq fit-toroq u kien involut f’inċident tat-traffiku jirringrazzja ’l Alla li baqa’ ħaj u jgħid li jħares lejn din l-esperjenza b’sens ta’ ottimiżmu iżda jesprimi s-sogħba tiegħu minħabba lix-xufier tal-karozza ma refax ir-responsabbiltà tal-inċident u baqa’ sejjer għal għonq it-triq.
Ma’ Newsbook.com.mt qal li jrid jaċċetta r-realtà iżda ma jemminx kif xi ħadd jista’ joħloq inċident u jaħrab mir-responsabbiltà.
Stanley irrakkonta kif huwa kien qed isuq ir-rota f’Ta’ Qali b’madwar 43 km fis-siegħa meta karozza warajh bdiet tpaqpaq. Qal li huwa pprova jsuq b’aktar veloċità u xħin il-karozza qabżitu u baqgħet tpaqpaq huwa tilef il-kontroll b’konsegwenza li spiċċa minxur fl-art.
Minkejja d-dieqa tiegħu għall-aġir tax-xufier huwa jħossu sodisfatt li kienu ħafna nies li tawh l-għajnuna fosthom familja li waqfet biex tgħinu u waslitu d-dar.Minkejja li mikul bil-mistħija minħabba li kien mimli demm u ħmieġ tat-triq huwa aċċetta l-offerta tal-familja.
Filwaqt li tenna li ma jrid jgħaddi ebda ġudizzju, Stanley qal li jixtieq li n-nies jagħrfu li frustrazzjoni ta’ ftit sekondi tista’ toqtol persuna jew tibdel ħajja ta’ taħt fuq. Sostna li meta wieħed jagħmel żball u ħoloq inċident l-unika ħaġa li jista’ jagħmel hu jerfa’ r-responsabbiltà u jieqaf jgħin lill-proxmu.Spjega li minħabba dan l-iċnident huwa u familtu se jitilfu vaganza li kellhom ippjanata.
Huwa appella għal aktar tolleranza fit-toroq.