Awdjo: Tixtieq tieħu riskju b’xagħrek?

Jekk tixtieq tieħu riskju b’xagħrek u fl-istess ħin tgħin lill-Malta Community Chest Fund, tista’ tieħu sehem fil-maratona tax-xagħar.
Għada l-Ħadd il-maratona Dare with your hair se tkun qed issir fl-iskola tal-primarja tal-kulleġġ ta’ Santa Tereża fl-Imsida, fejn dawk li jixtiequ bidla fl-istil tax-xagħar u fl-istess ħin jgħinu lil ħaddieħor, ikunu jistgħu jaqtgħu xagħarhom għal dan il-ġest nobbli.
Angela Grech, waħda mill-organizzaturi tal-maratona qalet ma’ Newsbook.com.mt li bħala skola xtaqu jieħdu l-inizjattiva biex jgħinu lil dawk il-persuni ftit inqas ixxurtjati minnhom, u wara li ressqu l-proposta tagħhom lill-kap tal-iskola u tal-kulleġġ setgħu jibdew jaħdmu fuq din l-attività. 
Angela spjegat li jekk persuna tixtieq tagħti xagħarha għandha tiġi biha maħsula bil-lest, u jekk hu possibbli x-xagħar tkun għadha mxarrba.
Ix-xagħar trid tkun minn tal-inqas twila 18-il ċentimetru.
Kull min għandu xagħar naturali u miżbugħ jista’ jaqtgħu, l-aqwa li ma jkunx bleached.  
Jekk persuna tkun tixtieq xi stil partikolari malli taqta’ xagħarha tkun tista’ tgħid lill-hairdressers preżenti.
Dan is-servizz se jingħata b’xejn, filwaqt li donaturi tax-xagħar huma ġentilment mitluba jagħtu donazzjoni lill-Malta Community Chest Fund.
Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca se tagħti bidu għall-maratona billi taqta’ l-ewwel toppu fid-9am. Il-maratona tintemm fl-4pm.