Awdjo: Titlesta t-traduzzjoni bil-Malti tal-Enċiklika “Laudato Si”

Id-Delegat tal-Arċisqof għall-Lajċi, Joe Farrugia spjega kif l-Arċisqof Scicluna ried li l-Enċiklika tal-Papa Franġisku, “Laudato Si”, tkun maqluba għall-Malti biex tkun aċċessibli għall-poplu Malti kemm jista’ jkun malajr.
Farrugia, li flimkien ma’ Francesco Pio Attard, kienu fdati bit-traduzzjoni tal-Enċiklika, qal li l-biċċa xogħol saret fi ftit żmien.
Dan kollu, biex għada, l-Erbgħa, l-Arċisqof jippreżenta l-punti ewlenin tal-enċiklika fil-bitħa tas-Seminarju fir-Rabat.
Id-dokument, li ffoka fuq il-ħarsien tal-ambjent, ġie tradott u ppakkjat f’256 paġna. Id-dokument ta’ 42,000 kelma, se jitqassam b’xejn għal kull min se jattendi l-konferenza tal-Arċisqof.
L-Enċiklika “Laudato Si” hija l-ewwel Enċiklika tal-Papa Franġisku u ġiet deskritta bħala l-aktar Enċiklika li ħolqot antiċipazzjoni dinjija.