Awdjo: Titħabbar soluzzjoni għall-isptar ta’ Għawdex

Il-problema ta’ pazjenti soċjali u anzjani li qed jitpoġġew fi swali ġenerali fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex mistennija tittaffa b’servizz ġdid li se jitnieda mis-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva.
Waqt il-programm Baħar Jaqsam fuq RTK, is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana qalet li għada se tħabbar servizz ġdid biex tissolva din il-problema.
Dr Caruana qalet li l-fenomenu tal-anzjanità f’Għawdex hi realtà li issa ħarġet fil-beraħ.
Id-dettalji dwar dan is-servizz li se jingħata għal tul ta’ żmien għall-anzjani f’Għawdex se jitħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet li se ssir quddiem id-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, għada waranofsinhar.
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet se jkun hemm il-President tal-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel Paul Pace.