Awdjo: Tinkwetana li għall-festi se jsiru parties ġol-farmhouses – Philip Fenech

"Imorru kontra s-sagrifiċċji li qegħdin nagħmlu"

Read in English.

Id-Deputat President tal-Kamra Maltija għan-Negozji Żgħar (SMEs) Philip Fenech qal li huwa inkwetanti li għall-festi qegħdin jiġu ppjanati parties ġol-farmhouses u l-appartamenti bid-divertiment, li jmorru kontra s-sagrifiċċji kollha li saru fl-aħħar xhur.

Waqt intervista ma’ Jes Saliba fuq 103 Malta’s Heart, Fenech qal li waslulhom rapporti li se jsiru parties bħal dawn. Stqarr li qegħdin jibżgħu li minflok ma jkollna bidu għat-triq lura lejn in-normalità f’Jannar, kif qed ibassar il-Gvern, minħabba każijiet bħal dawn, tkun trid tissewwa l-ħsara li tkun saret fil-Milied.

Fenech qal li parties bħal dawn mhumiex l-uniku riskju, imma anke familji li jorganizzaw ikliet jew attivitajiet bejniethom, u jiltaqgħu ħbieb u kuġini li jmorru minn dar għall-oħra. Qal li jidher li ġew ibbukkjati diversi farmhouses u appartamenti, kemm Malta, kif ukoll f’Għawdex.

L-appell ta’ Prof. Gauci għall-Milied
Filmat: 96 każ ġdid tal-Covid-19; ifiqu 132

Huwa ddikjara attitudni “carefree” f’dawn iċ-ċirkostanzi bħala waħda inaċċettabbli, u li trid tingħata prijorità. Fisser li attitudni bħal din tkisser l-isforzi kollha li saru min-negozji biex jgħinu biex titrażżan l-imxija tal-virus.

Hu u jirrifletti fuq is-sena 2020, Fenech qal li minn Marzu ‘l hawn, kienet sena diffiċli, u li kieku ma kienx għall-għajnuna tal-Gvern, kienet tkun agħar.

Fir-rigward tat-turiżmu u l-industrija tal-ivvjaġġar, Fenech qal li l-ajruplani jridu jżidu l-preżenza tagħhom fil-pajjiż. Skontu, Malta għandha bżonn tal-anqas sentejn oħra biex tilħaq in-numru ta’ turisti li kellha fl-2019, meta kien hawn rekord ta’ turisti b’2.7 miljun turist.

Il-Bank Ċentrali dwar il-konnettività bl-ajru

Intant, illum il-Bank Ċentrali ħareġ stqarrija li fiha qal li jekk Malta trid tibbenefika mill-irkupru ta’ wara l-Covid-19, huwa kruċjali li l-pajjiż jikseb lura l-konnessjonijiet diretti bl-ajru li tilef fil-pandemija.

Il-Bank Ċentrali spjega kif fl-2005, Malta kellha 84 konnessjoni diretta bl-ajru, li sal-2019, u fl-2019 dawn kienu żdiedu għal 125. Ikkumpara wkoll it-titjiriet diretti minn Malta: fl-2005 lejn 27 pajjiż, u fl-2019 lejn 40 pajjiż.

Madankollu, il-Covid-19 affettwa l-konnettività bl-ajru b’mod negattiv. Fl-2020, intilfu aktar minn 50 konnessjoni diretta, u baqa’ biss madwar 70 li huma attivi. Fost il-konnessjonijiet li ntilfu kien hemm postijiet kbar bħal Doha u Dubaj.

Il-Bank Ċentrali kkummenta fuq kif il-konnettività bl-ajru għandha rwol kruċjali biex tiffaċilita żvilupp ekonomiku.