Awdjo: “Tiltaqa’ mal-ġenituri naturali u tibda xxarrab is-sodda u ma tikolx”

Omm ta’ 37 sena li tiffosterja tifla tgħid li tinnota mġiba differenti fit-tifla wara li tiltaqa’ mal-ġenituri naturali tagħha.
Ma’ Newsbook.com.mt, l-omm irrakkuntat kif it-tifla “terġa’ tibda xxarrab is-sodda bil-lejl u tmur lura d-dar mill-iskola bil-lunch mhux mittiekel.” Spjegat li għalkemm “il-kuntatt mal-ġenituri naturali hu importanti ħafna, għandha tittieħed azzjoni jekk jiġi stabbilit li dan ma jkunx ta’ ġid għat-tfal.”
L-omm tenfasizza li kull każ irid jittieħed fuq bażi individwali. Żiedet tgħid li f’ċertu każijiet it-tfal iserrħu rashom li l-familja naturali tagħhom tħobbhom ukoll.  Madanakollu, spjegat kif mhux rari li wara li jiltaqgħu mal-ġenituri naturali tagħhom, xi tfal juru atteġġjament aggressiv jew jingħalqu fihom infushom.
Tispjega kif f’Malta sitwazzjonijiet hekk huma ferm iktar diffiċli minħabba li ma hawnx liġi li tagħti żmien sakemm il-ġenituri naturali juru li rriformaw ruħhom. Tgħid kif dan in-nuqqas qed iwassal biex it-tfal Maltin jibqgħu mdendlin dwar il-futur tagħhom sakemm jagħlqu 18-il sena.
Issemmi kif f’diversi pajjiżi, il-ġenituri naturali jingħataw perjodu ta’ 18-il xahar. Tgħid li l-ġenituri li jkunu qed jiffosterjaw jingħataw ukoll l-opportunità bil-liġi li jaddottaw lill-istess tfal.
Dwar l-isfidi li tiffaċċja kuljum issemmi kif trid turi lit-tifla li hemm modi oħra ta’ kif jissolvew il-problemi, u li ma jinvolvux vjolenza. Fl-istess waqt tgħid li t-tfal iridu jiġu kkoreġuti dejjem.
Tirrakkonta kif ġieli l-ġenituri naturali jaħtfu lil uliedhom jekk isejħu bħala ‘mamà’ lill-omm li tkun qed tiffosterjahom.