Awdjo: “Tifel tilef lil ommu, ieħor jaħrab għax qatgħulu jdejh”

“Tifel jitlef lill-ommu jibda jgħajjat lil missieru”
“Tifel ikollu jaħrab minn pajjiżu wara li qatgħulu jdejh”

Dawn huma żewġ esperjenzi li rrakkonta r-rappreżentant Malti tal-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-Refuġjati (UNHCR) Fabrizio Ellul waqt il-programm Follow Up fuq l-RTK.
“Tilef lil ommu … beda jfittex lil missieru”
Fabrizio Ellul tkellem dwar vjaġġ partikolari li jiftakar li seħħ sentejn ilu fejn fuqu kien hemm diversi persuni, fosthom tfal.
Spjega li din id-dgħajsa kienet għolja żewġ sulari u meta seħħet it-traġedja dawk li kienu fl-ewwel sular tilfu ħajjithom għax inqabdu ġewwa u ftit minn dawk li kienu fit-tieni sular salvaw.
Qal li fost dawk li salvaw kien hemm tifel li kien għadu kemm tilef lil ommu. F’nofs il-ġenn li kien hemm it-tifel beda jipprova jgħarrex għal missieru u beda jgħajjatlu. Min-naħa tiegħu l-missieru beda jfittex lil ibnu wkoll u bdew jgħajtu lil xulxin.
Fabrizio Ellul spjega li minkejja li l-missier u l-iben kienu n-naħa l-oħra ta’ xulxin rnexxielhom jiltaqgħu. Żied jgħid li aktar tard huma applikaw għall-programm ta’ relokazzjoni fl-Unjoni Ewropea u llum il-ġurnata bdew ħajja ġdida fil-Ġermanja.
“Tifel żgħir kellu jaħrab wara li qatgħulu jdejh”
Esperjenza oħra li jiftakar Fabrizio Ellul hija ta’ tifel Somalu li kelu jaħrab mis-Somalja minħabba l-persekuzzjoni.
Dan it-tifel kien jgħix f’żona li kienet ikkontrollata mill-grupp militanti Al-Shabaab.
Sabiex jaqla’ x’jiekol it-tifel kien ibigħ is-sigaretti b’mod illegali. Meta nqabad it-tifel qabdu u qatgħulu jdejh. Dan ma kienx biżżejjed għax it-tifel għadda minn persekuzzjoni sħiħa sakemm minkejja l-età żgħira tiegħu kellu jaħrab mill-pajjiż.