Awdjo: “Theżżiża u theddida għall-Gvern” – Marlene Farrugia

Id-Deputat Indipendenti Marlene Farrugia qalet li dak li ġie żvelat ilbieraħ fir-rapport tal-awditur ġenerali kien ta’ “theżżiża u theddida għall-kredibilità tal-Gvern.”
Fuq RTK, Dr Marlene Farrugia qalet li issa inutli wieħed jgħid li l-affarijiet setgħu saru aħjar, u li “mil-lum ‘il quddiem, il-poplu jrid jara x’se jagħmel il-Prim Ministru biex dawn l-affarijiet ma jerġgħux jiġru, u ma jkomplux joħorġu iktar skandli li jnaqqsu l-fiduċja fil-Gvern li kellhom tama fih.”
Saħqet li Joseph Muscat u l-Gvern tiegħu jifhmu li minkejja li l-ekonomija tal-pajjiż sejra tajjeb, il-poplu reġa’ jinsab f’dilemma.
Marlene Farrugia semmiet kif meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern kellu l-istess sitwazzjoni u l-Gvern tilef elezzjoni b’saħħa kbira, għax il-poplu ħass li l-kredibilità tal-Gvern dak iż-żmien ma kinitx waħda mixtieqa.
Appellat lill-Gvern “biex jieħu l-passi neċessarji anke dwar kif isiru l-affarijiet fil-kabinett, biex ‘il quddiem ma jerġax ikollna skandli ta’ din ix-xorta.”
Temmet tgħid li għandna bżonn governanza eżemplari u nadifa, biex investituri jħarsu lejn Malta b’kunfidenza.