Awdjo: Theżżiża jew terremot? Tispjega Dr Pauline Galea

Il-lejl li għadda, għall-ħabta tat-3am, f’Malta nħasset theżżiża minn diversi lokalitajiet li qajmet lil bosta nies mir-raqda ħelwa li kienu reqdin. Imma dik theżżiża jew terremot ngħidulha?

Dr Pauline Galea, li tmexxi l-Grupp ta’ Riċerka u Moniteraġġ Siżmiku fl-Università ta’ Malta, spjegat il-kwistjoni waqt 103 Morning fuq l-istazzjon tar-radju 103 Malta’s Heart.

Skont Dr Galea, din biss kwistjoni ta’ lingwaġġ. Il-fenomenu li jseħħ huwa terremot, mentri t-theżżiża hija dik li jħoss il-bniedem meta jseħħ terremot. Hija spjegat li nirreġistraw ħafna terremoti żgħar madwar il-baħar, madwar 20 kilometru ‘l isfel mill-kosta ta’ Malta.

Ta’ dan il-lejl kien wieħed mill-kbar li normalment jiġu rrekordjati minn din in-naħa, kien ta’ qawwa 4.5 u għalhekk inħass sew fil-partijiet kollha ta’ Malta. Dr Galea ssoktat tgħid li fit-3am kien hemm aktar minn 700 ruħ li mlew il-kwestjonarju fuq is-sit tal-Università, jiġifieri żgur li t-terremot qajjem ħafna nies.

It-terremot tal-lejl li għadda
Terremot jheżżeż Malta matul il-lejl

Indikazzjoni ta’ xi ħaġa akbar?

Mistoqsija jekk dawn it-theżżiżiet żgħar ikunux indikazzjoni ta’ xi ħaġa akbar, Dr Galea spjegat li hemm ħafna tipi ta’ sekwenzi: meta jseħħ xi terremot kbir xi mkien, ta’ qawwa 6 jew 7, huwa mistenni li wara jkun hemm sensiela ta’ aftershocks li jkunu kbar u jonqsu bil-mod il-mod biż-żmien.

Imbagħad hemm theżżiżiet li jseħħu f’Malta li ma jsegwux l-istess sekwenza, għaliex jista’ jagħmel wieħed kbir fil-bidu, fin-nofs jew jista’ ma jkunx hemm. Hija qalet li diffiċli wieħed ibassar kif tkun is-sekwenza. F’dan il-każ kien hemm ħafna theżżiżiet wara u anke qabel dan il-lejl stess. Biss biss, qalet is-siżmologa, f’dik is-siegħa ta’ wara t-terremot, kien hemm xi 6 jew 7 theżżiżiet oħra, li kienu żgħar ħafna ta’ qawwa 2. Dan għaliex il-blat jibqa’ jiċċaqlaq sakemm isib postu.

Minn fejn jiġi dan iċ-ċaqliq?

Dr Galea tkellmet daqsxejn dwar l-oriġini ta’ dan iċ-ċaqliq, u qalet li fil-qoxra tad-dinja, li mhix ħaġa sħiħa, hemm ħafna xquq, u dan il-blat jiġi affettwat mir-reġjun kollu ta’ madwaru. Il-blat ikun qed jiċċaqlaq u f’ċertu ħin iċedi, billi jinżel f’daqqa jew jiċċaqlaq la ġenba. Dan il-proċess jieħu ftit sekondi imma għandu ripple effect, għaliex l-effett jibqa’ sejjer.

Rappurtaġġ addizzjonali: Liz Cutajar