Awdjo: Tfajla ffosterjata tiddeskrivi lil John Rolé bħala l-uniku eroj

Serħan il-moħħ u l-qalb għal mijiet ta’ ġenituri li fl-aħħar sigħat kienu maħsuda bl-aħbar li John Rolé tneħħa minn Kap tas-Servizzi tal-Fostering fl-Aġenzija Appoġġ.
Dan hekk kif illum waranofsinhar saret laqgħa bejn Rolé u l-Ministru tal-Familja Michael Farrugia, li reġa’ kkonfermah fil-kariga.
Matul il-jum ġenituri li jiffosterjaw it-tfal kif ukoll dawk li kienu ffosterjati huma stess, esprimew id-diżappunt tagħhom dwar it-tneħħija ta’ Rolé. Għamlu wkoll petizzjoni onlajn li ġiet iffirmata fost l-oħrajn mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ Therese Galea, tfajla ta’ 24 sena, li ġiet iffosterjata meta kellha disa’ snin wara li qattgħet tfulitha f’istitut.
Therese faħħret id-dedikazzjoni u l-attenzjoni ta’ Rolè fil-każ tagħha lura għall-1999. It-tfajla llum miżżewġa u għandha żewġt itfal imma meta jkollha xi problema għadha titkellem miegħu.
“Kien hemm għal kull mument li kelli bżonn, bniedem li tista’ tafdah u li jgħinek ikun x’ħin ikun,” żiedet tgħid Therese.
Qalet li meta semgħet li tneħħa mill-kariga tiegħu ħassitha ħafna għax temmen li mingħajru t-tfal se jbatu u li bħalu mhu se jkun hemm ħadd.
Għal Therese “John Rolé huwa l-unika persuna li nista’ nsejjaħ eroj.”