Awdjo: ‘Tat-2 distrett iħossuhom abbandunati bla ministru’

Nistaqsu lil Mizzi u lil Agius Decelis għaliex mhumiex fil-Kabinett

In-nies tat-tieni distrett iħossuhom abbandunati jekk ma jkunx hemm ministru, skont il-MP tal-PL Joe Mizzi.

“X’nista’ nagħmel jien? Mhux jien il-Prim Ministru,” qal Mizzi lil Newsbook.com.mt meta ġie mistoqsi għalfejn mhux qiegħed fil-Kabinett ta’ Robert Abela. Fl-aħħar amministrazzjoni mmexxija minn Joseph Muscat, Mizzi kien il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma.

Mistoqsi dwar jekk jaħsibx li din kienet deċiżjoni ġusta, Mizzi qal li dan il-verdett jinqata’ mill-poplu. Qal li dejjem ħadem b’lealtà u li se jkompli jaħdem għan-nies.

Il-MP tal-PL Anthony Agius Decelis li wkoll mhux se jkun fil-Kabinett tal-PM Abela qal li se jkun qed jaħdem fuq proġetti oħra. Agius Decelis qal lil Newsbook.com.mt li se jkun iċ-Chairperson ta’ xi kumitati tal-kamra tad-deputati. Qal li fil-ġranet li ġejjin jiġi żvelat f’liema proġetti se jkun involut.

Mistoqsi jekk kienx hu li għażel li ma jibqax parti mill-Kabinett, Decelis qal li deċiżjoni bħal din tkun f’idejn il-PM.