​Awdjo: Tarbija f’Mater Dei tinħareġ mill-inkubatur biex titgħammed ħdejn ommha

Tarbija ta’ ġurnata nħarġet għal ftit mumenti mill-inkubatur ta' Mater Dei biex tkun tista’ titgħammed fi ħdan ommha li kienet rikoverata f’sala oħra.
Kollox beda lbieraħ filgħodu meta l-Koordinatur tal-Patrijiet li jaħdmu Mater Dei, Fr Hayden Wiliams, irċieva telefonata biex jgħammed b’urġenza tarbija li kellha tiġi operata l-għada, propju fil-Ġimgħa l-Kbira.
Ma’ Newsbook.com.mt, Fr Hayden jgħid li x’ħin wasal ħdejn it-tarbija, induna li ma kienx hemm il-missier u t-tfal l-oħra. Dan għax kienu f’sala oħra jaraw lil ommhom li kienet welldet ċesarja u ma setgħetx tiċċaqlaq.
Dak il-ħin Fr Hayden ma xtaqx li jgħammed lit-tarbija mingħajr il-preżenza tal-omm u talab lill-infermiera jekk din tistax tinħareġ għal ħin qasir mill-inkubatur, mingħajr ma jkun hemm l-ebda riskju għal saħħitha.
L-infermiera fehmu s-sitwazzjoni mill-ewwel u qablu li dan jista’ jsir sakemm iċ-ċerimonja tal-magħmudija tkun waħda sempliċi u qasira.
Jispjega kif għaddew minn kuruturi partikolari sakemm waslu ħdejn l-omm rikoverata fis-sodda. Ikompli jgħid li x’ħin rat lil binha ta’ jum, din l-omm infaqgħet tibki u lissnet il-kliem, “Din hi l-aktar ħaġa li xtaqt!”.
Fr Hayden qal li baqa’ jaħseb fuq dawn il-kliem tal-omm li wassluh jirrifletti wkoll fuq is-sbuħija ta’ omm li tgħannaq lit-tarbija tagħha.
Temm jgħid li din l-istorja hija wkoll unika għax il-missier huwa Musulman li għandu rispett kbir lejn il-fidi Kattolika, tant li ġieli jattendi l-Quddiesa mal-familja tiegħu. Omm ir-raġel inqatlet fil-kunflitt li għaddej bħalissa fis-Sirja.
It-tarbija qed tiġi operata llum.
Ritratt: Arkivji