Awdjo: Tapit ta’ kuluri b’rekord għall-festa ta’ San Nikola

Fi ftit sigħat oħra l-pjazza tas-Siġġiewi se tkun mimlija attività għall-festa ta’ San Nikola, din id-darba iżda minħabba “tapit ta’ kuluri”
Nick Spiteri, id-direttur tal-kamra tan-nar, qal ma’ Newsbook.com.mt li din is-sena se jkun hemm 25 antarjola, jew arblu, b’112-il ċirku mwaħħlin magħhom.
Għal dan l-ispettaklu pirotekniku se jkun hemm ukoll effetti tal-funtani li b’kollox se jdum jieħu madwar żewġ minuti.
Fil-passat kien ikun hemm madwar 11-il antarjola għan-nar tal-art, u jidher li din is-sena se jkun qed jinkiser rekord f’Malta għall-ammont ta’ antarjoli li jkunu qed jintużaw f’daqqa’.
Nick Spiteri spjega li kull min ikun fil-pjazza se jkun qed jara sensiela ta’ rdieden li jkunu qed jagħtu l-kulur lil dan it-tapit.
Mistoqsi dwar pjanijiet għas-sena d-dieħla, Nick temm jgħid li ladarba tgħaddi l-festa jkunu jistgħu janalizzaw iktar aħjar x’mar tajjeb u x’jistgħu jirranġaw.