Awdjo: Tal-monti kuntenti bl-istalls il-ġodda

Minkejja li ċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Jason Micallef mhux kuntent bl-istalls il-ġodda tal-monti, jidher li l-bejjiegħa tal-monti jinsabu sodisfatti.
Ma’ Newsbook.com.mt, għadd ta’ bejjiegħa tal-monti qalu li kuntenti bl-istalls il-ġodda.
Wieħed mill-bejjiegħa qal li l-qies huwa ftit ikbar milli kellhom qabel u li issa hemm uniformità u organizzazzjoni. Spjega li dan għax kulħadd għandu l-istess stalls, fejn qabel kien hemm min kellu ‘t-tilqit’ u mwejjed mhux xierqa.
Sostna li jemmen li hekk kellu jsir għalkemm seta’ ntuża inqas ħadid, għax hekk għandhom iktar xogħol.
Il-bejjiegħ tal-monti qal li għalkemm it-tined xtrawhom huma u jiswew il-flus, se jibqgħu tagħhom.
Spjega li bir-rilokkazzjoni tal-monti bejn il-bini l-ġdid tal-Parlament u t-Teatru miftuħ ‘għandhom imorru aħjar’.