Awdjo: Tal-linja ma jagħmlux rotot imma jiffirmaw li għamluhom

Transport Malta qed tinvestiga lil xi kumpaniji mħaddma mill-Unscheduled Bus Service (UBS), li sa ftit ġranet ilu kien imexxi t-trasport pubbliku f’Malta.  Dan minħabba numru ta’ każijiet fejn xi rotot ma kinux isiru iżda jiġi ffirmat li jkunu saru.
Il-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi qal dan waqt il-programm Mill-Polz taċ-Ċittadin fuq RTK, fejn spjega li f’każi bħal dawn Transport Malta tressaq ilment mal-UBS li min-naħa tagħha tinvestiga xi jkun ġara.
Tkellem ukoll dwar l-inċidenti bil-karozzi tal-linja. Qal li fl-2013 fi żmien l-Arriva kien hemm mat-300 inċident ta’ nirien u dħaħen, bi 27 minnhom ikunu 27 tal-linja maħruqa.
Joe Mizzi spjega li fl-2013, dawn l-inċidenti niżlu għal 100 li minnhom 7 biss kienu każi ta’ nirien.
Saħaq li dan kollu hu dovut għall-arranġamenti li saru fis-sistema ta’ manutenzjoni. “Fejn qabel il-manutenzjoni fuq tal-linja kienet issir kull 14-il ġimgħa, kienet bdiet issir kull sitt ġimgħat”, żied jgħid il-Ministru.