Awdjo: Tabib miċ-ċentru tas-saħħa f’Raħal Ġdid jirrifjuta li jeżamina anzjan

Tabib miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid allegatament irrifjuta li jeżamina pazjent anzjan meta mar iżuru d-dar.
Ma’ Newsbook.com.mt, iben l-anzjan irrakkonta kif kollox beda ħamest ijiem ilu meta missieru kien ma jiflaħx u mar iżuru t-tabib taċ-ċentru tas-saħħa ta’ Raħal . Spjega li t-tabib eżaminah u tah xi antibijotiċi.
Qal li sa lbieraħ missieru kien għadu qed iħossu l-istess u reġgħu sejħu lit-tabib taċ-ċentru tas-saħħa, li ma kienx l-istess wieħed li mar l-ewwel darba.
Ir-raġel spjega li b’ton sarkastiku, it-tabib staqsieh min tah l-antibijotiċi, għalxiex qed jeħodhom u li ma jaqblux miegħu.
L-anzjan wieġbu li qed jieħu dak li tah it-tabib taċ-ċentru tas-saħħa, u li jekk “kien skarpan ma nafx.”
Kien dak il-ħin li t-tabib issuppervja, u qallu li ‘jekk dak skarpan, skarpan jien ukoll u mhux ħa narak.” It-tabib qam b’arroganza, sabbat il-bieb u telaq ‘il barra. Dan minkejja li mart il-pazjent bdiet titolbu biex jeżaminah qabel jitlaq.
Ir-raġel li tkellem ma’ Newsbook.com.mt qal li kien diżgustat bis-servizz li t-tobba taw lil missieru, u li missieru ħassu umiljat u ddispjaċut li ħa l-pilloli għalxejn.
Semma wkoll kif xi ġimgħa ilu, bintu ta’ sena kellha d-deni u l-influwenza u ċempel iċ-ċentru tas-saħħa ta’ Raħal Ġdid biex jibagħtu tabib id-dar. Spjega kif it-tabib qallu biex jieħu lit-tarbija hemmhekk, u meta spjegalu li kienet is-sirda u li ma kellux karozza, it-tabib wieġbu “hawnhekk nies jiġu.”
Qal li ċċekkja mad-Dipartiment tas-Saħħa li qalulu li t-tabib għamel pastażata kbira għax m’għandu jobbliga lil ħadd joħroġ mid-dar.
Ir-raġel appella biex tittieħed azzjoni mill-aktar fis possibbli għax servizz u attitudni ta’ dan it-tip mhix aċċettabbli.
Mistoqsijiet li Newsbook.com.mt bagħat lill-Ministeru tas-Saħħa għadhom ma ġewx imwieġba.