Awdjo: Ta’ 9 snin jirbaħ kompetizzjoni u jħeġġeġ lit-tfal iħarsu l-ambjent

Karl Hili ta’ disa’ snin mix-Xewkija rebaħ kompetizzjoni dwar l-ambjent li fiha pparteċipaw mijiet ta’ tfal minn skejjel differenti madwar Malta u Għawdex.
Hu rebaħ bit-tpinġija li turi tifel jiġbor il-ħmieġ mill-kampanja, bis-suġġett Aħna u l-Ambjent.
Waqt il-programm Baħar Jaqsam fuq RTK, Karl qal li jħossu eċitat u mimli ferħ. Qal li l-messaġġ wara t-tpinġija hu li ħadd m’għandu jħammeġ l-ambjent.
Appella lil tfal oħra bħalu biex meta jagħmlu xi piknik fil-kampanja ma jħallux ħmieġ warajhom, filwaqt li jnaddfu l-ħmieġ li jkun hemm.
Karl, li jattendi l-Iskola tal-Konservatorju tal-Isqof fir-Rabat Għawdex, ġie ppreżentat b’ċertifikat mill-Ministru tal-Ambjent Leo Brincat waqt attività għat-tfal fil-Park tal-Familja f’Wied il-Għajn.
Waqt l-attività, it-tfal qalu li jippreferu aktar jaraw programmi televiżivi fuq dan is-suġġett, milli jaqraw biss. Għadd kbir minnhom urew ix-xewqa li jkun hemm aktar programmi televiżi fuq l-ambjent.