Aġġornata: Ta’ 3 snin jaħrab mill-iskola tal-Fgura u ma jinduna ħadd

Newsbook.com.mt jinstab infurmat li lbieraħ, tifel ta’ madwar tliet snin, li jattendi l-Klabb 3-16 u Skola Sajf fl-iskola tal-Fgura, ħareġ mill-iskola u nstab aktar tard quddiem supermarket.
Skont in-nies li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt, it-tifel kien l-iskola Primarja fil-Kulleġġ Thomas Moore meta għal xi raġuni u mingħajr ma ħadd ma nduna ħareġ mill-iskola, u telaq waħdu għal għonq it-triq sakemm wasal qrib supermarket li jinsab fi Triq is-Sur.
Kienu r-residenti tal-inħawi li ndunaw b’dan it-tifel u ħaduh l-għassa, fejn sar rapport biex jiġi stabbilit x’kien ġara.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat ukoll li għal Klabb 3-16 u Skola Sajf ġew ingaġġati għadd ta’ support LSAs, li allegatament m’għandhomx l-esperjenza meħtieġa ma’ tfal li għandhom ħtiġijiet partikolari.
Għalliema gradwati u b’esperjenza jinsabu urtati b’din is-sitwazzjoni għaliex fi kliemhom, biex tieħu ħsieb tfal bl-awtiżmu jew bl-ADHD irid ikollok l-esperjenza u trid tkun taf kif taġixxi skont il-ħtieġa.
Allegatament fost is-support LSAs, ġew ingaġġati persuni li kienu jaħdmu f’ċentri taċ-child care u oħrajn li qatt ma ħadmu fi skola.
Dwar din is-sitwazzjoni, Newsbook.com.mt tkellem mal-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo li stqarr li jinsab infurmat li l-LSAs fi Klabb 3-16 u Skola Sajf ġew ingaġġati skont l-istess kriterji stabbiliti fis-snin ta’ qabel.
Qal li jekk din is-sena hemm dawn in-nuqqasijiet, qed isiru l-istess nuqqasijiet li kienu jsiru fis-snin ta’ qabel.
Ma’ Newsbook.com.mt, il-Ministru Bartolo qal li l-eżiġenzi tal-LSAs f’dawn il-programmi edukattivi tas-sajf, biex tinterpreta l-lezzjonijiet lit-tfal b’dawn il-ħtiġijiet, huma differenti mis-sena skolastika. 
Aġġornata bir-reazzjoni tal-Ministeru għall-Edukazzjoni
Il-Ministru għall-Edukazzjoni ddeskriva l-inċident tat-tifel li ħarab mill-iskola bħala “inaċċettabbli, l-aktar jekk il-grada tal-iskola kienet miftuħa”.
Il-Ministru qal li nhar it-Tnejn li għadda rċieva rapport mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi li tifel telaq mill-iskola wara li mar waħdu t-toilet waħdu.
Jidher li  malli ndunat li t-tifel ma daħalx fil-klassi, l-għalliem infurmat lill-kordinatur u marret tfittxu barra mill-iskola.
Fil-fatt it-tifel instab ftit tal-ħin wara qrib l-iskola tal-Fgura.
Il-Ministeru qal li qed jinvestiga l-każ u malli ġara dan kollu, ittieħdu l-miżuri meħtieġa biex il-bieb u l-grada prinċipali jinżammu magħluqin u anke li tfal żgħar ma jitħallewx waħidhom fl-iskola.
Aġġornata bir-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista
Il-Partit Nazzjonalista qal li jinsab ukoll ixxukkjat bl-aħbar tat-tifel ta' tliet snin li ħarab minn skola minn taħt għajnejn l-edukaturi.
Qal li dan mhux każ li fih tidħol il-politika partiġġjana, iżda każ li fih wieħed għandu jaħseb fuq is-sigurtà tat-tfal fl-iskejjel, mhux biss fix-xitwa iżda anke fis-sajf.
Il-kelliem għall-Edukazzjoni f’isem il-Partit Nazzjonalista, Joe Cassar, sostna li dan il-każ huwa riżultat tal-amministrazzjoni ħażina li l-programm Skola Sajf esperjenza sa mill-ewwel ġurnata tiegħu f'dan is-sajf.
Temm jgħid li t-tfal u l-ġenituri jixirqilhom ħafna aħjar.