Awdjo: “Sulfarina biex jara fid-dlam; ġera xħin sab l-iskeletri”

“Tawh xi sulfarini biex jidħol fil-passaġġ. Wara ftit ħareġ jiġri għax kien sab xi skeletri ta’ umani.”

Dan il-kliem qalu l-President u fundatur ta’ Wirt iż-Żejtun il-Perit Ruben Abela ma’ Newsbook.com.mt.

Spjega li 50 sena ilu, f’Marzu tal-1969 kien għaddej xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-knisja ta’ San Girgor. Instab passaġġ vojt u niżel wieħed mill-ħaddiema li kienu hemm. Tawħ is-sulfarini biex ikun jista’ jara fil-passaġġ mudlam. Però, reġa’ ħareġ malli sab skeletri ta’ persuni umani.

L-għadam instab imxerred fil-passaġġ. Dan kellu wkoll twieqi żgħar. Tnejn minnhom iħarsu lejn il-Bajja ta’ San Tumas u l-oħrajn lejn il-Bajja ta’ Marsaxlokk.

Il-Perit Abela qal li din is-sejba torbot mal-istorja li l-knisja parrokkjali l-qadima intużat fis-sistema tad-difiża tax-Xlokk ta’ Malta. Anke qabel it-torrijiet kostali. Spjega li t-Torri ta’ San Luċjan inbena fl-1610.

Abela qal li l-istorja tal-iskeletri nxterdet malajr dak iż-żmien u nħolqot rabta bejn l-iġsma u l-aħħar attakk tat-Torok f’Malta fl-1614. Intqal li l-iskeletri kienu ta’ persuni li ppruvaw jaħarbu mit-Torok imma spiċċaw maqbudin fil-passaġġ.

Abela qal li fl-1979 sar studju li sab li fost l-iskeletri kien hemm għadam ta’ rġiel bejn is-16 u s-60 sena. Fiż-żmien l-attakki tat-Torok dawn suppost kienu jkunu qed jiġġieldu u mhux jinħbew. Allura Abela qal li qamu mistoqsijiet dwar jekk din il-verżjoni hix waħda mibnija fuq dak li ġara tassew. Jista’ jkun ukoll li l-iskeletri kienu f’oqbra oħra u wara tpoġġew fil-passaġġ.

Abela spjega li hi x’inhi l-istorja wara l-iskeletri xorta hija sejba unika u eċċezzjonali. Qal li l-passaġġ innifsu huwa attrazzjoni, aħseb u ara bis-sejba tal-iskeletri.

Abela qal li l-għaqda Wirt iż-Żejtun qed tipprova tiġbor il-mistoqsijiet kollha u tara x’tista’ twieġeb minnhom. Se jintbagħtu xi kampjuni barra minn Malta biex issir analiżi fuqhom.

Dan il-proġett bl-isem ta’ 5KOPERTA (Skoperta) sar possibbli grazzi għall-fondi tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) taħt l-Iskema tal-Inizzjattivi Żgħar (SIS). B’kollox Wirt iż-Żejtun ibbenefika minn €3,000 f’fondi għall-proġett.

Ritratti: Wirt iż-Żejtun