Awdjo: Sufanijiet fl-Armier biex tieħu nagħsa

Għalkemm għal xi wħud is-sufanijiet fuq il-bajjiet qed jinżlulhom għasel biex jieħdu nagħsa, fuq Facebook oħrajn esprimew id-diżappunt tagħhom għal dawk li ntramaw fil-bajja tal-Armier. Uħud qalu li s-sitwazzjoni issa ġiet bla kontroll u oħrajn qed jistaqsu fejn huma l-awtoritajiet.
Newsbook.com.mt tkellem mal-ambjentalista Dr Alan Deidun, li qal li "sufan mhux kompatibbli ma’ xatt il-baħar u mhux oġġett li wieħed ikollu bżonn meta jmur jgħum." Barra minn hekk, is-sufanijiet jieħdu wkoll ħafna spazju u joqtlu kull oġġett ta’ valur li jista’ jkun hemm fuq il-bajja.
Dr Deidun qal li "l-kosta ramlija, li tikkostitwixxi biss 2% tal-kosta Maltija, m’għandhiex tibqa’ tiġi pprivatizzata bil-mod li qed tiġi pprivatizzata bħalissa." Saħaq li sforz il-konċessjonijiet li jingħataw, il-pubbliku, li għandu dritt ma jħallasx għal umbrella, deckchairs, u issa anke sufanijiet, ikollu joqgħod fl-agħar postijiet tal-bajja.
Dan iwassal biex f'ċertu każijiet, ġenituri li jkollhom tfal żgħar ma jistgħux iħalluhom jilagħbu max-xatt għax ma jkollhom l-ebda għażla ħlief li jkunu 50-il metru ‘l bogħod.
Żied jgħid li ħafna mill-konċessjonijiet illum huma ferm ikbar minn snin ilu u ħafna minnhom imorru kontra l-liġi meta pereżempju joħorġu ‘l barra mill-parti li tkun ingħatatilhom.
Filwaqt li faħħar is-sistema tal-‘Pulizija għat-turisti’, li għandha tidħol fis-seħħ is-sena d-dieħla, Dr Deidun temm jgħid li jkun aħjar jekk l-awtoritajiet jikkontrollaw iktar il-konċessjonijiet tal-bajjiet sabiex jibqgħu pubbliċi.

Ritratt: Steve Gruppetta