Awdjo: Studenta Maltija twelled tarbija f’ċirkostanzi rari

Studenta Maltija li kienet qed tistudja għal qabla f’Nottingham, kellha x-xorti twelled tarbija f’ċirkostanzi mhux tas-soltu.

Wieħed minn kull 80,000 tarbija fid-dinja jitwieled b’dik li hi magħrufa bħala l- amniotic sac, li hija l-borża li tkun fiha t-tarbija fil-ġuf tal-omm. Din hi xi ħaġa rari ferm hekk kif normalment, qabel ma titwieled it-tarbija, din il-borża tinfaqa’ jew titneħħa minn qabel. Din kienet l-esperjenza li mmarkat il-bidu ta’ karriera ta’ qabla żagħżugħa Maltija – Emma Beck, studenta ta’ 22 sena, li kellha x-xorti li tkun hi li twelled din it-tarbija.

Din kienet biss it-tielet tarbija li Emma assisstiet għal twelid waqt il-prattika tagħha fi sptar f’Nottingham. L-istudenta Maltija spjegat li meta titwieled tarbija b’dal-mod, tkun meqjusa bħala tarbija ffurtunata.

Emma tħossha ixxurtjata li f’fażi tant bikrija tal-karriera tagħha kellha x-xorti tesperjenza fenomenu daqshekk rari. It-tarbija kien tifel u minkejja li twieled mhux bil-mod kif jitwieldu trabi oħra, jinsab f’saħħtu.