Awdjo: Splużjoni fil-Fontana kienet qatlet raġel u ibnu ta’ 6 snin

Bħal-lum fl-1955, kienet seħħet splużjoni maħsuba li kienet ikkawżata minn xi murtali, fiċ-ċentru tal-Azzjoni Kattolika fil-Fontana. Fl-inċident kienu mietu raġel u ibnu ta’ sitt snin u weġġgħu gravi żewġt irġiel oħra.

X’ġara iktar fid-19 ta’ Awwissu fis-snin l-imgħoddija?

Fl-1943, fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-possibilità ta’ rejds mill-ajru mill-għadu fuq Malta, kienet saret tant minima, li ngħata permess mill-amministrazzjoni kolonjali, li jistgħu jerġgħu jindaqqu l-qniepen tal-knejjes u jsiru l-purċissjonijiet reliġjużi. Dawn kienu ilhom li twaqqfu mill-1940.

Fl-1991, il-President tal-Unjoni Sovjetika Mikhail Gorbachev tpoġġa taħt arrest f’daru minn ribelli fi ħdan il-Gvern, li kienu kontra l-miżuri li kien daħħal biex pajjiżi fil-Lvant tal-Ewropa jitħallew jagħżlu gvern mhux komunista, u b’hekk tintemm il-Gwerra Bierda. Għal ftit jiem, kien hemm biża’ fil-pajjiżi tal-Punent, li l-kisbiet li kienu saru favur il-libertà u l-paċi Ewropea jispiċċaw fix-xejn.

Fl-2001, is-sewwieq Ġermaniż, Michael Schumacher rebaħ ir-raba’ titlu ta’ Formula Wieħed tiegħu, grazzi għal rebħa fil-GP tal-Ungerija. Din kienet ukoll il-51 tellieqa li rebaħ, u b’hekk laħaq ir-rekord tal-Franċiż Alain Prost.

Illum il-festa ta’:
• San Ġwann Eudes
• Jum San Manju – il-padrun tal-bejjiegħa tal-ħut

Illum ukoll:
• Jum iċ-Ċfuf
• Jum il-Fotograija
• Jum l-Avjazzjoni
• Jum il-Ġelat
• Jum il-Patata
• Jum l-Indipendenza tal-Afganistan

Produzzjoni u vuċi: Colin Fitz