Awdjo: Spazju fejn iż-żgħażagħ jiżviluppaw il-karattru tagħhom

Kull individwu għandu l-isfidi personali tiegħu iżda l-aktar problema evident fost iż-żgħażagħ hija li ma jkunux kapaċi jintegraw mas-soċjetà.
B’hekk iż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika, iż-ŻAK, ħarġu bl-inizzjattiva Fastforward li biha qed jipprovdu spazju lil żgħażagħ ta’ bejn 14 u 16-il sena biex jiffurmaw il-ħiliet tagħhom biex jaħdmu f’tim.
F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt, Deborah Bonnici, l-koordinattriċi tal-proġett qalet li permezz tiegħu se jkunu qed jgħinu żgħażagħ “vulnerabbli” biex jitgħallmu dwar kif iġibu ruħhom fis-soċjetà u man-nies ta’ madwarhom.
Spjegat li sfortunatament xi żgħażagħ ma jintegrawx fis-sistema edukattiva għax jispiċċaw mingħajr tagħlim bażiku għax dak li suppost jitgħallmu mill-familji tagħhom ma jakkwistawhx.
Grupp ta’ 70 student u studenta qed jieħdu sehem f’dan il-proġett li beda f’din is-sena skolastika propju f’Ottubru li għadda.
Deborah qalet li mhux dejjem huwa faċli li taħdem fi grupp għax anke meta nkunu d-dar jinqalgħu l-kunflitti iżda permezz ta’ workshops adattati bħal tisjijr u logħob jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ biex jiżviluppaw il-karattru tagħhom anke mill-aspett ta' valuri.
Il-proġett Fastforward qed isir bil-kollaborazzjoni tal-Aġenzija Żgħażagħ li qed toffri l-post ta’ Villa Psaigon biex iż-żgħażagħ jiltaqgħu hemmhekk u jaħdmu f’workshops organizzati miż-ŻAK.