Awdjo: “Sorpriż li lukanda u ristoranti se jieħdu post bini storiku fiċ-Ċittadella”

Is-Sindku tal-Kunsill Lokali tar-Rabat Għawdex Samuel Azzopardi qal li għadu sorpriż bl-aħbar li ż-żewġ binjiet storiċi tal-Qorti fiċ-Ċittadella, se jiġu trasformati f’boutique hotel.
Kien il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo, li fil-jiem li għaddew, waqt is-sessjoni ta’ Gvern li Jisma’ f’Għawdex, ħabbar li dan se jsir fi żmien qasir.
Ma’ Newsbook.com.mt, Dr Samuel Azzopardi saħaq li Għawdex hu limitat fil-binjiet amministrattivi u ċiviċi li huma ta’ wirt u patrimonju storiku. Żied jgħid li ma jifhimx x’valur miżjud jista’ jkollha boutique hotel fuq dawn iż-żewġ binjiet, li waħda dejjem serviet bħala l-Qorti ta’ Għawdex u l-oħra li kienet il-Palazz tal-Gvernatur ta’ Għawdex fil-Pjazza tal-Katidral.
Is-Sindku sostna li jħoss li din il-proposta ma tirrispettax dawn iż-żewġ binjiet ta’ importanza unika għal Għawdex.
B’dispjaċir qal, li la hu u lanqas il-Kunsill, qatt ma ġew ikkonsultati mill-Ministeru għal Għawdex preżenti, minkejja li l-Kunsill kien pedina importanti fl-implimentazzjoni tal-Masterplan taċ-Ċittadella.
Spjega li kien il-Kunsill Lokali li applika mal-MEPA biex il-foss isir ġnien. Fakkar li b’sens kbir ta’ responsabbiltà u spirtu ċiviku, fi żmien l-eks-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono u l-eks-Segretarju Permanenti Joe Scerri, il-Kunsill kien għadda dak kollu relatat mal-foss f’idejn il-Ministeru.
Dr Azzopardi rrefera għal kliem Għandna xi nbiegħu, li l-Prim Ministru Joseph Muscat fetah id-diskors tiegħu bihom waqt l-inawgurazzjoni taċ-Ċittadella.  Żied jgħid li minkejja li ma jemminx li “l-Prim Ministru ried ifisser dak li tħabbar, il-Ministru għal Għawdex fehmu litteralment.
Fuq Facebook, iċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Ministru Refalo, Dr Christian Zammit, qal li jemmen “li meta l-mużewijiet u l-Qorti fiċ-Ċittadella jiġu vakati fi ftit snin oħra, jinbidlu f’lukanda u restorants lussużi, biex jagħtu ħajja lill-ġojjel taċ-Ċittadella anke bil-lejl.”
Żied jgħid li b’hekk il-Gvern ikompli jirreġistra rekords dejjem akbar fit-turiżmu, li bħalissa jammonta għal nofs l-ekonomija ta’ Għawdex.
Ritratti: Beppe Galea/Samuel Azzopardi/MGOZ – George Scerri