Awdjo: Skont iż-żrieragħ, il-poplu!

Meta wieħed jistaqsi x’jagħmilna Maltin, jista’ jirċievi bosta tweġibiet, mil-lingwa, sal-festi, inkella l-identità. Fi studju riċenti interessanti ferm, hemm issuġġerit li ż-żrieragħ li nsibu fl-għelieqi tagħna jitkellmu ferm aktar dwar l-identità minn kemm naħsbu.
Il-Hub Nazzjonali tar-Riċerka Etnobotanika ppubblika l-istudju Sharing Seeds, Sharing Life, li jħares lejn ir-relazzjonijiet tan-nies li jgħixu f’Malta mal-pjanti u dak li jiżirgħu u jaħsdu.
Mario Gerada, iċ-Ċerpersin tal-hub, tkellem ma’ Newsbook.com.mt dwar is-sabiħ tal-etnobotanika. Huwa stqarr li dan l-istudju jlaqqgħek ma’ numru ta’ elementi li jistgħu jgħinuna nerġgħu naraw aħna min aħna.
Kompla billi qal li meta tistudja l-mod kif il-Maltin użaw u kabbru l-pjanti tul iż-żminijiet, tiskopri relazzjonijiet ma’ pajjiżi u kulturi differenti li ilhom hemm ferm aktar minn kemm taħseb, jew qatt ma kien jgħaddilek minn rasek li ġew stabbiliti bis-saħħa tar-relazzjoni tal-bniedem maż-żrieragħ.
Enfasizza li dak li hu tagħna, ħafna drabi tgħallimnieh m’għand ħaddieħor, bħall-ikel, it-tisjir, jew l-użu tal-pjanti. Dawn ir-riċetti saru tagħna, għax xi darba missirijietna ddeċidew li jagħmluhom tagħna.
L-idea tal-istudju ħarġet minn laqgħa mal-bdiewa żgħażagħ fuq talba minn bidwi partikulari.
Gerada tkellem dwar żrieragħ li tradizzjonalment kienu jitkabbru f’Malta, bħall-pastarda, iżda d-domanda għaliha maż-żmien ma baqgħetx hemm.
Dawn iż-żrieragħ jikxfu valur kulturali, ir-relazzjonijiet fil-komunità tal-bdiewa, iżda wkoll hemm valur ġenetiku: dawn huma ħxejjex li addattaw għall-klima Maltija. Waħda mill-karatteristiċi hi li jeħtieġu inqas ilma minn żrieragħ oħra li nimpurtaw.
Parti mill-proġett tal-hub, għalhekk, hu li jerġa’ jqajjem id-domanda għal dawn il-prodotti. Fost l-oħrajn, il-persuni involuti żaru ħwienet u ristoranti u talbuhom ikunux disposti li jbigħu, ngħidu aħna, torti bil-pastard Malti. It-tweġiba kienet pożittiva.
L-għan huwa li bħala Maltin insiru aktar konxji ta’ x’hemm fis-suq li huwa tagħna.
Iċ-ċerpersin tkellem ukoll dwar metodi kreattivi sabiex dawn iż-żrieragħ jerġgħu jirrankaw, metodi li ma jimponu ma ħadd, speċjalment fuq il-partijiet involuti, bħan-nies li jkabbru, li jixtru u jbgħu, l-awtorijatjiet governattivi, u l-NGO’s.
Fost l-oħrajn, fir-rapport ġie ssuġġerit li jkun hawn bdiewa part-timers jew ġardini urbani li fihom jitkabbru dawn il-ħxejjex, bħall-ħafna li nsibu fil-monasteri.
Ritratti: Ian Noel Pace