Awdjo: “Sirt napprezza aktar il-ħajja” – żagħżugħ Malti li għadu ġej mill-missjoni

Aktar kmieni llum waranofsinhar wasal Malta il-grupp ta’ żgħażagħ Maltin Karibu li kienu ilu jaħdem fil-Kenja għal dawn l-aħħar tliet ġimgħat.
Il-grupp ta’ din is-sena kien jammonta għal 25 ruħ, 8 żgħażagħ iktar mis-sena l-oħra. Il-ħidma din is-sena ħadithom fil-belt ta’ Ruiru, in-Najrobi fil-Kenja.
Ma’ Newsbook.com.mt l-koordinatur tal-grupp, Fr Karmenu Aquilina spjega kif sfortunatament din is-sena l-proġett ewlieni ma setax isir minħabba li l-kuntrattur waqqaf ix-xogħol li kien qiegħed isir.
Madanakollu ż-żgħażagħ Maltin xorta waħda għamlu xogħolijiet oħra fosthom it-tqegħid tal-madum fi knisja kbira u kif ukoll għajnuna u tqassim ta’ ikel u xorb lin-nies li m’għandhomx saqaf fuq rashom.
Żied jgħid li għalkemm il-problema tal-ikel hi waħda evidenti, in-nuqqas ta’ edukazzjoni hija l-ikbar problema u l-qofol ta’ kollox.  
Qal li “Meta jkun hemm dik it-tifla jew tifel jiġri warajk, tibqa’ fil-qalb tiegħek”.
Newsbook.com.mt tkellem wkoll ma’ wħud miż-żgħażagħ li għadhom kemm għaddew minn din l-esperjenza.  
Għal James Borg Cumbo u Laura Paris, din kienet it-tieni darba li marru għall-esperjeza ta’ volontarjat mal-grupp Karibu.
It-tnejn għamlu referenza għal kif it-tfal li ltaqgħu magħhom fil-Kenja jifirħu bis-sempliċità tal-ħajja u kif meta bdew iqassmulhom l-ikel, it-tfal dejjem iqassmu lil min ikun iżgħar minnhom, u b’hekk jiżguraw li kulħadd igawdi mill-ftit li jingħataw.
James stqarr li “sirt naprezza aktar il-ħajja” u li għalkemm aħna għandna kollox, ma naprezzawx biżżejjed.
Minn naħa tiegħu, Luke Pace, li għalih din kienet l-ewwel esperjenza mal-grupp Karibu, sostna li għalkemm il-ħaddiema jitħallsu b’inqas minn €5 kuljum u jbgħatu ħafna, xorta waħda kien jarahom bid-daħqa fuq wiċċhom.
Fr Karmenu saħaq fuq l-importanza tal-opportunitajiet għaż-żgħażagħ. Qal li għalkemm ħafna jikritikaw liż-żgħażagħ, saħaq li meta jingħataw opportunitajiet bħal dawn, iż-żgħażagħ jirrispondu ħafna għall-ħidmiet bħal dawn.
Il-grupp Karibu ilu li jaħdem għal dawn l-aħħar sentejn. Qabel ma bdiet il-ħidma volontarja, il-grupp kien jipparteċipa f’attivitajiet ta’ exchanges ma’ gruppi ta’ żgħażagħ oħra.