Awdjo: “Shaun ilu jaqsam lejn Malta għall-futbol minn meta kellu 11-il sena”

Hekk kif illejla se tintlagħab il-finali tal-BOV Super Cup bejn Valletta FC u Birkirkara FC, Newsbook.com.mt tkellem ma’ Phyllis Bajada, omm Shaun Bajada midfielder ta’ Valletta FC.
Shaun Bajada ta’ 30 sena minn Ta’ Sannat, kien strumentali fir-rebħa tal-Kampjonat Premier kontra Birkirkara, meta wara biss żewġ minuti, permezz ta’ free kick, skorja l-ewwel gowl.
Dwar dan il-gowl, Phyllis qalet li ħassitha “ferħana u eċitata, lanqas ridt nemmen li skorja daqsekk kmieni.” Spjegat li hu naturali li jkollok daqsxejn ta’ biża’ li jistgħu jiskurjaw għax kien għadu kmieni, “imma bqajna nilagħbu tajjeb u rbaħna l-logħba.”
Omm Shaun qalet li meta kien żgħir, kienet tistaqsih x’jixtieq li jsir, “u minn dejjem kien jgħidli ‘futboler’.“
Spjegat kif minn meta kellu 11-il sena kien jaqsam lejn Malta kuljum biex jistudja l-ballun, fi żmien meta ma kienx hawn mowbajls u għalhekk kienet aktar diffiċli. “Sagrifiċċju kbir għal Shaun, imma l-Bambin pattielu,” żiedet tgħid Phyllis.
Qalet li kuntenta li qiegħed mal-Belt, tixtieq li jerġa’ jsib postu mat-tim nazzjonali, u eventwalment jerġa’ jilgħab Għawdex. Sostniet li ġielu kellu opportunitajiet li jilgħab ma’ tim barra minn Malta, iżda għażel li jibqa’ qrib il-familja. 
Il-logħba se tintlagħab illejla fis-7.30pm fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali.