Awdjo: Sfortuna li l-vot ta’ 16 mhux se jidħol għall-elezzjonijiet tal-MEP’s – Joseph Cuschieri

Ma’ Newsbook.com.mt, l-ewro-parlamentari Joseph Cuschieri qal li ħadem ħafna fuq id-dritt għaż-żgħażagħ biex jingħataw id-dritt tal-vot ta' sittax-il sena. Fi kliemu qal li hi sfortuna li din x’aktarx mhux se tiġi fis-seħħ sas-sena d-dieħla meta jsiru l-elezzjonijiet tal-membri ewro-parlamentari ġodda.

Joseph Cuschieri li jservi fil-kumitati tat-trasport u t-turiżmu, kif ukoll f’diversi delegazzjonijiet, qal li d-delegazzjoni Laburista hi ddiżappuntata bl-atteġjament tad-delegazzjoni Nazzjonalista u dan meta qabel l-elezzjoni ġenerali tad-9 ta’ Marzu, huma kienu jiġbdu ħabel wieħed.

Il-Kap tad-delegazzjoni Laburista Joseph Cuschieri saħaq li wara l-elezzjoni, il-Partit Nazzjonalista qed iħares iktar lejn l-interess partiġġjan milli lejn l-interess nazzjonali. F’dan il-mument, Joseph Cuschieri rrefera għall-kwistjoni tal-immigrazzjoni hekk kif allegatament l-membru Ewro-Parlamentari Nazzjonalista David Casa għamel petizzjoni fost l-MEPs biex jimbarazza lill-Gvern Malta.

Joseph Cuschieri sostna li d-delegazzjoni Laburista m’għamlitx l-istess kemm fil-każ ta’ John Dalli kif ukoll fil-ħatra tal-Kummissarju Ewropew Tonio Borg meta ingħaqdu flimkien fl-interess nazzjonali.

Cuschieri żied jgħid li ħadem ħafna biex bħalma Dun Victor Grech ingħata l-European Citizen’s Award is-sena li għaddiet, dan l-unur prestiġġjuż, din is-sena, jmur għall-Puttinu Cares. Joseph Cuschieri li hu membru wkoll tal-alleanza tal-persuni li jbatu mid-dimensja qal li x-xahar id-dieħel, madwar 500 delegat mill-pajjiżi fi ħdan l-Unjoni Ewropea se jiġu Malta għal konferenza internazzjonali.