Awdjo: “Seraqni u xorta ngħata l-libertà”

“Kont taħt xokk meta ndunajt li dak li seraqni ma kienx il-ħabs iżda kien barra, jiġri fit-toroq.”
Lilian Chetcuti Riolo spjegat li hi u l-familja tagħha għaddew minn trawma kbira wara s-serqa, u sal-lum ma tħossx li saret ġustizzja magħha.
Chetcuti Riolo irrakontat ma’ Newsbook.com.mt kif inħasdet meta marret għall-każ il-qorti, u ndunat li l-akkużat kien ħareġ fuq libertà proviżorja wara li ħallas €4,000.
Qalet li f’dan iż-żmien hi kienet moħħha mistrieħ li l-akkużat ma kienx qed jiġri fit-toroq.
Żiedet li meta telgħu l-Qorti l-ewwel darba kienet tippretendi li s-senteza se tinqata’ mill-ewwel. Dan għax skont hi, il-marki tas-swaba’ li nstabu fid-dar kienu prova ċara.
Il-każ tas-serqa mid-dar ta’ Lilian, li seħħ sena ilu, għadu pendenti iżda l-akkużat qed jiskonta sentenza ta’ sentejn ħabs, wara li nstab ħati b’serqa f’każ separat, li seħħ tliet xhur ilu biss.
Lilian qalet li minkejja li jinsab il-ħabs, xorta għadha diżappuntata. Qalet li biex issir ġustizzja magħha, l-akkużat għandu jintbagħat il-ħabs għal numru ta’ snin.
Qalet ukoll li tistenna li l-flus li l-akkużati jħallsu għal-libertà proviżorja, jmorru bħala kumpens lill-vittmi tar-reati.