Awdjo: “Se nagħmlu konsultazzjonijiet ma’ taż-żwiemel fil-jiem li ġejjin”

Il-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi qal li fil-jiem li ġejjin se tkun qed issir konsultazzjoni mas-sidien taż-żwiemel.
Waqt il-programm Mill-Polz taċ-Ċittadin fuq RTK, il-Ministru Mizzi spjega li l-Ministeru diġà għamel diversi konsultazzjonijiet. Qal li s-sitwazzjoni taż-żwiemel fit-toroq mhix sempliċi kif kien jaħsibha u li ħafna mix-xogħol li sar sena u nofs ilu fuq abbozz ta’ Avviż Legali kellu jiġi emendat.
Il-Ministru Mizzi sostna li s-sidien taż-żwiemel għandhom ukoll verżjonijiet u ideat differenti, għax il-prijoritajiet għal dawk bil-karozzini huma differenti minn dawk bi żwiemel tat-tiġrija. Spjega wkoll li mhux is-sidien kollha taż-żwiemel jifilħu jħallsu polza tal-assigurazzjoni.
Żied jgħid li wara li jsiru l-konsultazzjonijiet kollha, jitfassal Avviż Legali li qabel ma jersaq quddiem il-Kabinett u eventwalment quddiem il-Parlament, jiġi vverifikat mill-esperti.