Awdjo: Se jkunu jistgħu jaqraw bil-Malti permezz tal-awdjo

Tfal li huma neqsin mid-dawl jew li għandhom problemi bil-qari se jkunu jistgħu jaqraw kotba bil-Malti permezz tal-awdjo.
Ma’ Newsbook.com.mt Chris Gruppetta, li qed jieħu ħsieb il-proġett, qal li dan hu ċans biex il-letteratura Maltija tilħaq nies differenti.
Flimkien ma’ atturi Maltin, Chris qal li qed iħejju numru ta’ kotba ta’ stili differenti minn awturi varji għal tfal bejn erba’ u tlettax-il sena.
Chris spjega li fis-snin li għaddew, numru ta’ ġenituri talbuhom l-awdjo biex jesponuhom għal-letteratura bil-Malti, minħabba li t-tfal kienu jsibuha bi tqila biex jaqraw.
Qal li l-kotba kemm klassiċi u kontemporanji, diġa’ bdew jiġu rrekordjati b’mod professjonali u li jibdew jitqassmu fl-aħħar ta’ Settembru.
Il-kotba awdjo se jkunu jistgħu jitniżżlu permezz ta’ link direttament għal fuq mp3, tablet jew mowbajl.
Se jitqassmu b’xejn b’kollaborazzjoni mal-Premju tal-President għall-Kreattività u Merlin Publishers.
Dawn il-kotba se jkunu jistgħu jinxtraw minn persuni li jixtiequ wkoll jisimgħu l-qari.