Awdjo: Se jiġi ffirmat il-ftehim dwar l-isptarijiet mal-Università ta’ Barts

Is-Segretarju Parlamentari tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li din il-ġimgħa mistenni jiġi ffirmat ftehim bejn l-Università ta’ Malta u d-Dipartiment tas-Saħħa dwar kif l-Università ta’ Barts, l-Università ta’ Malta u l-Isptar Mater Dei jistgħu jaħdmu flimkien.
Waqt il-programm Ma’ Bundy fuq RTK, Fearne kien mistoqsi fiex wasal il-kuntratt mal-iskola medika Barts u l-Vitals Global Healthcare, li se jkunu l-imsieħba tal-gvern fil-proġett tal-Isptar San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Fearne qal li qabel jiġi ffirmat il-kuntratt mal-Vitals Global Helathcare, qegħdin isiru diversi laqgħat mal-istakeholders kollha.
Kompla jgħid li “in-negozjati jinsabu fil-fażi finali mal-unions, kemm mal-GWU u l-UHM. Mal-MUMN ninsabu fi stadju avvanzat ħafna u mal-MAM qbilna fuq kollox, iżda xtaqu li l-ewwel naslu għal qbil mal-Università. Dan il-qbil intlaħaq u se nkunu qegħdin niffirmaw dan il-qbil il-ġimgħa d-dieħla”.
Il-pjanijiet oriġinali li kienu tħabbru fl-2015 kienu għall-żvilupp mill-ġdid, manutenzjoni, u l-operat tal-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Kien mistenni mill-Gvern investiment ta’ €200 miljun biex jittrasforma l-Isptar Ġenerali t’Għawdex u l-Isptar ta’ San Luqa f’siti ta’ turiżmu mediku u hubs mediċi.