Awdjo: Se jfasslu rapport wara 3 ijiem josservaw il-wasliet tal-immigranti

Grupp ta’ 16-il student u professjonisti minn universitajiet Ingliżi għadhom kif qattgħu tlett ijiem fi Sqallija, biex josservaw il-wasliet tal-immigranti rregolari li daħlu f’Lampedusa, Katanja, Augusta, Ragusa u Pozzallo. Dan sabiex ifasslu rapport ta' suġġerimenti dwar politika urġenti għall-immigrazzjoni.
Ma’ Newsbook.com.mt, il-Professur Brad Blitz spjega li l-għan tal-MOMPA, l-Osservatorju Meditteranju dwar l-Immigrazzjoni, il-Protezzjoni u l-Ażil hu li jeżamina, josserva, janalizza u jassisti fl-immaniġġjar tal-wasliet tal-immigranti fil-Mediterran.
Semma kif matul dawn it-tlett ijiem, osservaw sitt wasliet fosthom ta’ 500 immigrant Sirjan b’50 minnhom ikunu nisa u tfal, kif ukoll immigranti mill-Bangladexx li ħarbu mit-tensjoni fil-Libja.
Prof. Blitz spjega kif ilbieraħ f’Pozzallo raw il-bastiment Phoniex li ta għajnuna lil 77 immigrant, fosthom nisa u tfal, mis-Somalja u s-Sudan.
Esprima s-sodisfazzjon tiegħu bil-ħidma umanitarja professjonali tal-Migrant Offshore Aid Station, il-MOAS. Kien aktar sodisfatt meta ra tbissima fuq wiċċ l-immigranti, li kienu jidhru grati għall-għajnuna li kienet għadha kif ingħatatilhom.
Insista li dan huwa eżempju pożittiv ta’ kif għandha ssir il-ħidma tas-salvataġġ.
Qal li fi Sqallija ltaqgħu ma’ għadd ta’ NGOs, u li ntlaqgħu tajjeb mill-aġenzija UNHCR.
L-Osservatorju se jkun ibbażat fil-bażi tal-Università ta’ Middlesex f’Pembroke, li ilha tagħmel proġetti u programmi f’Malta għall-aħħar 20 sena. Spjega li f’Malta qed jaħdmu ma’ professjonisti li jifhmu r-realtà Ewropea.
Qal li Malta tinsab f’post strateġiku, qrib Sqallija u l-Afrika ta’ Fuq.  Waqt il-konferenza tkellmu professjonisti oħra li taw dettalji dwar dak li osservaw fl-aħħar tlett ijiem.