Aġġornata: Jaqsam minn Malta għal Sqallija fuq serfbord f’ħin rekord

Paul Ellul irnexxielu jaqsam minn Malta għal Sqallija permezz tal-ibburdjar f'ħin rekord ta' 4 sigħat, 47 minuta u 34 sekonda.
Dan il-ħin jikser rekord nazzjonali li kien miżmum minn Jean Paul Fleri Soler li kien għamel l-istess rotta f'ħin ta' 5 sigħat 56 minuta u 35 sekonda.
Mal-wasla fi Sqallija, Paul Ellul esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan it-tragward u rrikonoxxa l-ħidma sfieqa u intensiva tat-tim tiegħu li bis-saħħa tagħhom seta' jinkiser dan ir-rekord.
Wera' s-sodisfazzjon tiegħu ukoll għall-fatt li permezz ta' din l-inizjattiva, qed jinġabru fondi b'risq il-Malta Community Chest Fund. 
Aktar kmieni
Il-windsurfer veteran Paul Ellul iktar kmieni illum telaq minn Malta biex permezz tal-ibburdjar jasal Sqallija.
Din l-isfida qed issir biex jinġabru fondi f’risq il-Malta Community Chest Fund u anke biex Paul jipprova jikser ir-rekord ta’ ftit inqas min sitt sigħat li kien intlaħaq minn Jean Paul Fleri Solor 30 sena ilu.
F’kummenti lil Newsbook.com.mt, Paul qal li permezz ta’ din l-isfida jixtieq li jqajjem kuxjenza dwar l-isport tal-windsurfing. Huwa qal li “dan l-isport kien l-aħjar suċċess ta’ Malta fil-Logħob Olimpiku u għalhekk jeħtieġ li nsostnuh.”
Mistoqsi dwar il-preparamenti għal din l-isfida, Paul qal li ilu jipprattika għal din l-isfida għal dawn l-aħħar ftit xhur flimkien ma’ tim ta’ nies li se jkunu jsegwuh mill-qrib waqt l-isfida f’każ ta’ emerġenza.
Tista' tagħmel id-donazzjoni tiegħek b’risq il-Malta Community Chest Fund permezz ta’ sms bil-kelma ‘Windsurf’ fuq:
5061 8918 – €6.99 
5061 9201 – €11.65