Awdjo: “Scouts mhux biss uniformijiet, ħbula u kampijiet”

“Kun attiv. Kun parti mill-istorja!” Din hija t-tema li ntgħażlet mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iscouts għall-Ewwel Forum Nazzjonali tal-Iscouts li ġie organiżżat fiċ-Ċentru Internazzjonali tal-Iscouts f’Għajn Tuffieħa matul il-ġurnata tas-Sibt.
Fid-diversi gruppi ta’ ħidma ġew diskussi fost l-oħrajn it-temi tad-diversità fl-iscouting u l-involviment taż-żgħażagħ.
Kunċett innovattiv kien workshop bit-tema “Washing Machine” fejn iż-żgħażagħ intalbu jpinġu jew jiktbu l-ideat tagħhom dwar kif jaraw il-futur tal-iscouting u l-programmi ta’ ħidma għas-sezzjonijiet differenti fi ħdan l-iscouts.
Ġew eletti wkoll 11-il membru tal-kunsill li se jirrapreżentaw lill-erba’ distretti f’Malta u Għawdex. L-etajiet tal-membri eletti se jvarjaw bejn 14 u 24 sena. 
Newsbook.com.mt tkellem ma’ rappreżentanta ta’ dan il-forum Leana Buhagiar, li qalet li "tkun scout ma jfissirx biss uniformijiet, ħbula u kampijiet".
Leana Buhagiar temmen li "l-Assoċjazzjoni tal-Iscouts hija waħda dinamika u trid tassigura li ż-żgħażagħ jingħataw l-ispazju u l-poter sabiex ikunu jistgħu jaħdmu u jorganiżżaw l-attivitajiet tagħhom."
Aktar dettalji jistgħu jinkisbu minn http://www.maltascout.org.mt/