Awdjo: San Pawl jerġa’ jiġi Malta

In-nawfraġju ta’ San Pawl se jkun qed jiġi mfakkar b’mod innovattiv u ċinematografiku permezz ta’ dokudrama ġdid. 
Il-proġett se jkun qed jitratta l-istorja tan-nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta, u dan se jsir bl-għajnuna ta’ dokumentarju u drama.
Il-produzzjoni, magħmula minn talent Malti u Taljan, taqa’ taħt id-direzzjoni tad-direttur Massimo My, u x-xeni qed jinġibdu fl-istudji tal-Mediterranean Film Studios fil-Kalkara.  Sett virtwali qed jintuża għax-xeni tat-tempesta, kif ukoll għal xenografiji oħra.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ Fr Paul Darmanin, il-producer tal-film. Huwa qalilna minn fejn oriġina l-ħsieb għal dan il-proġett u x’messaġġ jixtieq li jasal lill-pubbliku.
Fost l-atturi li se jkunu qed jieħdu sehem, li kollha kemm huma huma Maltin, hemm, Henry Zammit Cordina fil-parti ta' San Pawl, Malcolm Ellul fil-parti ta' Ġulju ċ-Ċenturjun, James Cutajar fil-parti tal-Kaptan u Roberto De Santis fil-parti ta' Publju. Il-produzzjoni hi f'idejn Kenneth Cassar ta' Extreme Effects.
Iċ-Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni (ĊAK) tal-Franġiskani Konventwali li kien il-moħħ wara dan il-proġett ambizzjuż qed jaħdem sabiex jasal il-messaġġ Nisrani lill-udjenzi differenti fis-soċjetà. Il-film mistenni joħroġ f’Settembru ta’ din is-sena.
Wieħed jista’ jidħol fuq https://www.facebook.com/theshipwreckmalta sabiex isegwi l-proġett.