Awdjo: “Sakemm dort, żewġt irġiel daru mal-pram” – omm

Omm irrakkuntat ma’ Newsbook.com.mt l-esperjenza tagħha, meta nhar is-Sibt li għadda, waqt li kienet qed tixtri, żewġt irġiel daru mal-pram li fih kien hemm bintha ta’ seba’ xhur.
Hija rrakkuntat kif tbiegħdet żewġ passi mill-pram sakemm tal-ħanut urieha xi affarijiet li kienu mas-saqaf u li kienet interresata li tixtri.
Spjegat li kienu għaddew biss ftit minuti u kif dawret wiċċha tilmaħ żewġt irġiel barranin, b’idhom fuq il-pram u wieħed minnhom imiss it-tifla.
Dak il-ħin marret tiġri u ġibdet il-pram, biż-żewġt irġiel jersqu ‘l bogħod.
Staqsejna lil omm jekk jistax ikun li ż-żewġt irġiel kienu biss qed jiggustaw it-tifla. Iżda l-omm qalet li ħafna jiggustaw it-tfal imma ħadd qabel ma qabad il-pram jew beda jmiss it-tifla.
Dwar il-każ l-omm ma tkellmet ma ħadd sakemm ilbieraħ, omm oħra tkellmet fuq il-midja soċjali dwar l-esperjenza kerha tagħha, meta waqt li kienet qed tixtri, raġel u mara ħadulha l-pushchair u ppruvaw jitilqu bih, tant li kienu xi nies fl-istess ħanut li marru jiġru warajhom.
Dan il-każ allegatament seħħ f'Birżebbuġa. Kelliema għall-Pulizija kkonfermaw ma' Newsbook.com.mt li dwar dan il-każ sar rapport u l-Pulizija qed tinvestiga.
Oħrajn kitbu taħt l-istess post biex jirrakkuntaw esperjenza simili li għaddew minnha.
Omm oħra, irrakkuntat ma' Newsbook.com.mt esperjenza simili li għaddiet minnha f'Tas-Sliema.
Qalet li kienet quddiem ħanut u sakemm daret biex tkellem lill-għarus tagħha li kien ġewwa. raġel twil u qargħi, x'aktarx barrani wkoll, qabdilha l-pushchair iżda laħqet daret bl-eżatt.
Spjegat li malli daret ir-raġel inħasad, ħares lejha u baqa' sejjer.
L-ommijiet li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt appellaw biex ħadd ma jippunta subgħajh u jakkuża lill-ommijiet bi traskuraġni għax huma dawru wiċċhom biss għal ftit sekondi.