Awdjo: Rotta tinqabeż “għax m’hemmx biżżejjed karozzi tal-linja”

Ir-rotta X1 li kellha ssir fl-9.45am tal-bieraħ filgħodu miċ-Ċirkewwa, ma saritx għax ma kienx hemm biżżejjed karozzi tal-linja.
Student Għawdxi fl-Università ta’ Malta li qasam il-fliegu lbieraħ, irrakkonta ma’ Newsbook.com.mt kif ir-rotta X1 ta’ wara l-vapur tad-9am ma saritx.
Jispjega li wara nofsiegħa jistennew fuq l-istejġġ taċ-Ċirkewwa ħdejn it-terminal, il-passiġġieri saqsew lill-uffiċjal tal-Malta Public Transport fi x’ħin se titlaq ir-rotta.
L-uffiċjal qalilhom “Ir-rotta mhix se ssir għax m’għandix biżżejjed trakkijiet”.
Talabhom biex jaqbdu rotta itwal u miċ-Ċirkewwa jmorru Buġibba biex jaqbdu l-X3.
L-istudent jispjega li hu flimkien ma' studenti oħrajn kienu marbutin bil-ħin minħabba l-lezzjonijiet fl-Università u qal li kien hemm xi passiġġiera oħrajn li riedu jmorru l-ajruport. Jirrakkonta li kienu f’mument ta’ paniku li ddeċidew li jieħdu r-rotta t-twila biex jaslu fid-destinazzjoni.
Tenna li ma jaħsibx li hi raġuni valida li jgħidulhom li m’hemmx karozzi tal-linja biżżejjed filwaqt li appella biex il-kumpanija tat-trasport pubbliku żżomm mal-iskeda tagħha biex toffri servizz lill-passiġġieri u biex tkun serja f’xogħolha.
Dwar dan il-każ Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Malta Public Transport li sa issa għadhom ma ġewx imwieġba.