Awdjo: Riċerkatur Malti rebbieħ ta’ premju għar-riċerka fil-kanċer tal-moħħ

Riċerkatur Malti rebaħ premju prestiġġjuż mill-British Nuclear Medicine Society waqt konferenza f’Londra, għar-riċerka tiegħu fil-qasam tal-kanċer tal-moħħ.
Dr Matthew Grech Sollars jaħdem fl-Imperial College, fil-qalba ta’ Londra, bħala riċerkatur fil-qasam tal-inġinerija medika u jispeċjalizza fuq ir-ritratti tal-moħħ (MRI).
F’kummenti Dr Grech Sollars spjega li r-riċerka tiegħu hija bbażata fuq ritratti tal-moħħ li jittieħdu bl-MRI, biex ikun jista’ jara x’jikkawża problemi fil-moħħ u b’mod speċifiku x’tip ta’ kanċer ikun.
Dan iwassal lit-tobba biex ikunu jafu eżatt x’tip ta’ trattament hemm bżonn.
Ir-riċerka li qed jaħdem fuqha bħalissa hija dwar wieħed mill-aktar kanċer agressivi fil-moħħ u huwa l-agħar fost in-nisa li għandhom inqas minn 35 sena u l-irġiel li huma iżgħar minn 45 sena.
Grech Sollars qal li waqt din ir-riċerka qed jieħdu tipi differenti ta’ ritratti tal-moħħ b’sistemi differenti mill-MRI, fosthom PET.
Ir-riċerkatur Malti, flimkien ma' sħabu qed iqabblu r-ritratti minn dawn iż-żewġ sistemi biex ikun stabbilit f'liema parti hemm l-aktar kanċer agressiv biex hekk il-pazjent jirċievi l-aħjar trattament.
Dwar dan il-proġett, Dr Matthew Grech Sollars rebaħ il-Young Investigators Prize waqt il-ħamsin konferenza tal-British Nuclear Medicine Society.
Għar-riċerkatur Malti dan kif ifisser ħafna għax fi kliemu r-riċerka ma tarax il-frott tagħha malajr, imma l-fatt li xi rċieva premju daqshekk importanti jagħtih il-kuraġġ biex ikompli jaħdem.
Dwar il-kanċer tal-moħħ, Dr Grech Sollars qal li sar progress kbir u ħeġġeġ lil dawk kollha li qed jgħaddu minn din il-marda biex jibqgħu pożittivi għax fi kliemu l-attitudni tagħmel differenza kbira anke fit-trattament tal-marda.
L-intervista sħiħa saret minn George Cremona u ixxandret waqt il-programm T'Għomru Qasir fuq RTK

Ritratt: Tim North Photography, British Nuclear Medicine Society 44th Annual Spring Meeting, ICC Birmingham 17th – 19th April 2016