Awdjo: Rennie Zerafa jgħid kif tista’ tgħin lil Puttinu jekk mhux bil-flus

Taf b’xi proprjetà fiċ-ċentru ta’ Londra? Għandek kuntatti tajbin f’Londra?
Int tista’ tgħin lil Puttinu Cares f’ħidmiethom u tgħin il-pazjenti Maltin.
Ma’ Newsbook.com.mt il-Kap Eżekuttiv ta’ Puttinu Cares, Rennie Zerafa spjega li qed ifittxu lil xi ħadd li jista’ jgħinhom biex isibu post tajjeb fiċ-ċentru ta’ Londra sabiex jibnu l-appartamenti.
Stqarr li fl-aħħar snin l-għadd ta’ pazjenti li rċevew trattament fir-Renju Unit irdoppja hekk kif fl-2010 kien hemm mal-476 pazjent u fl-2016 kien hemm mat-823 ruħ.
Spjega li ħidmiethom bdiet mat-tfal billi jsibulhom akkomodazzjoni meta jmorru l-Ingilterra għat-terrapija. Żied jgħid li maż-żmien bdew imorru għandhom żgħażagħ u adulti u b’hekk l-għadd ta’ nies żdied.
Rennie Zerafa spjega li bħalissa qed ikollhom bejn 60 u 90 persuna kuljum jgħixu hemm u li dawn jattendu f’55 sptarijiet differenti.
Għal dan il-għan jixtiequ li jibnu appartamenti fiċ-ċentru ta’ Londra sabiex il-pazjenti jkunu aktar viċin tal-isptar u anke Puttinu Cares tkun tista’ tassigura li kull min jitlob l-għajnuna jkunu jistgħu jgħinuhom.
Għaldaqstant Puttinu Cares qed idur fuqek biex tgħinu jsib lokalità tajba fejn jista’ jibni l-appartamenti. Jekk inti tista’ tgħin tista’ titkellem ma’ Puttinu Cares billi tibgħat email.
info@puttinucares.org