Awdjo: Qrib ftehim għar-rilokazzjoni tal-immigranti mill-Italja u l-Greċja

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-mexxejja tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea huma inklinati li jaċċettaw il-proposta tar-rilokazzjoni tal-immigranti kif imressqa mill-Kummissjoni Ewropea fil-ġranet li għaddew.
Sorsi qrib tal-Kummissjoni Ewropea li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li għad fadal mill-inqas erba’ pajjiżi li mhux jaqblu mal-proposta oriġinali tar-rilokazzjoni iżda l-abbozz tad-dokument inkiteb b’mod li joffri flessibilità.
Il-proposta oriġinali kienet tinkludi r-rilokazzjoni ta’ 40,000 immigrant mill-Italja u l-Greċja f’sentejn u t-tqassim ta’ 20,000 refuġjat.
Malta se taċċetta li tilqa’ 292 immigrant.
L-abbozz tad-dokument mhux jinkludi li t-tħaddim tal-proposta hija mandatorja għaliex il-ftehim jista’ jintlaħaq sakemm in-numru tal-immigranti ma jiġix impost fuq il-pajjiżi l-iktar li mhux jaqblu bħall-Ungerija, l-Polonja u s-Slovakkja.
Dawn flimkien ma’ Franza jridu li r-rilokazzjoni tkun volontarja u mhux mandatorja.
Is-sorsi qalu ma’ Newsbook.com.mt li huwa ferm mistenni li l-Kunsill Ewropew japprova dan id-dokument qabel l-aħħar ta’ Lulju.
Id-Direttur tal-Aditus Neil Falzon qal ma’ Newsbook.com.mt li l-proposta tar-rilokazzjoni tħares biss lejn il-preferenzi tal-pajjiżi membri fl-Unjoni u mhux tal-individwu.
Sostna li m’għandnix nittrattawx lir-refuġjati “qishom fridge jew washing machine li nġorruhom minn pajjiż għall-ieħor”.
Falzon enfasizza li l-proposta trid tħares lejn il-preferenzi tal-immigranti speċjalment jekk ikollhom qraba li huma diġà residenti f’pajjiż ieħor Ewropew.