Read in English.
L-Ambaxxatriċi Maltija fi Vjenna Natasha Meli Daudey qalet li dalgħodu qamu xxukkjati wara l-attakk terroristiku li seħħ fil-belt Awstrijaka lbieraħ filgħaxija.
Waqt intervista ma’ Jes Saliba fuq 103 Malta’s Heart, l-Ambaxxatriċi spjegat li llum Vjenna kellha tqum aktar kalma mis-soltu minħabba l-lockdown parzjali li daħal fis-seħħ wara nofsillejl, iżda minflok, Vjenna qamet maħsuda bit-traġedja tal-bieraħ.
Dan għaliex kien hemm serje ta’ attakki fil-qalba ta’ Vjenna li ħallew lil żewġt irġiel u mara maqtulin u madwar 15-il persuna oħra midrubin, fosthom uffiċjal tal-pulizija. L-attakk qed jitqies wieħed terroristiku.
L-Ambaxxatriċi kompliet tgħid li l-poplu ntalab jibqa’ ġewwa kemm jista’ jkun illum, u ż-żona fejn saru l-attakki għandha tiġi evitata. Hemmhekk hemm l-ambaxxata Maltija, u l-ħaddiema ntalbu jaħdmu mid-dar. Dan tħabbar ukoll mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo li qal li ttieħdet din id-deċiżjoni sabiex jevitaw kull periklu.
Meli Daudey spjegat li dawn l-attakki jsiru biex ibeżżgħuna u bla dubju, jilħqu l-effett mixtieq għax inisslu sens ta’ biża’ u rabja fin-nies. Żiedet tgħid li l-informazzjoni fuq il-każ għadha ħierġa, il-Pulizija għadha ma kkonfermatx li fil-fatt is-sinagoga kienet fil-mira, imma kkonfermat li l-motiv kien Iżlamiku. Hija temmet tgħid li l-ħasra hi li sal-bieraħ, Vjenna kienet titqies belt sigura, għaliha li għexet f’ħafna pajjiżi kienet waħda mill-aktar ibliet siguri madwar id-dinja, imma issa din il-perċezzjoni se tinbidel.
Fuq Facebook, il-Ministru Bartolo rrifletta fuq dan l-attakk terroristiku brutali, ġimgħa biss wara ġraw attakki simili fi Franza. Qal li attakki bħal dawn iħallu “effett kbir ta’ biża’, tpattija u vjolenza.” Huwa kkundanna attakki bħal dawn u qal li “m’għandniex inħalluhom jirbħu u jbeżżgħu u jxerrdu iżjed mibegħda.”
Il-President George Vella u l-Prim Ministru Robert Abela wkoll ikkundannaw dan l-attakk u esprimew is-solidarjetà tagħhom mal-Awstrija f’dan il-mument diffiċli.