Awdjo: “Qed tiżdied il-kuxjenza dwar il-kanċer tas-sider” – Gertrude Abela

Fl-aħħar snin in-nies qegħdin jagħrfu iżjed l-importanza li jagħmlu testijiet regolari, speċjalment dwar kanċer tas-sider.
Dan qalitu l-President tal-Europa Donna Malta Gertrude Abela, f’kummenti lil Newsbook.com.mt.
L-għan ta’ dan il-grupp ta’ appoġġ huwa li jinforma l-pubbliku speċjalment dwar il-mard fis-sider tant li nhar il-Ħadd se jorganizza mixja biex titqajjem iżjed kuxjena.
Gertrude Abela qalet li wara li ssir xi attività rigward il-kanċer tas-sider, in-nies jikkonkorru ħafna u jsaqsu iżjed. Żiedet li l-grupp, jaħdem biex jinkoraġixxi lin-nisa sabiex meta jirċievu inviti jmorru jagħmlu t-testijiet.
Abela appellat biex min iħoss xi ħaġa stramba f’sidru jmur mill-ewwel għat-testijiet. Saħqet li aħjar tmur milli toqgħod tistenna, għax jekk ikun hemm xi ħaġa mhux se tmur waħedha. Spjegat li jekk il-marda tilqagħha mill-bidu hemm ċans ikbar li titfejjaq. Fissret ukoll li jekk mara tħoss boċċa f’sidirha m’għandiex tallarma ruħha għax din mhux bilfors tfisser kanċer.
Intant il-mixja biex titqajjem kuxjenza se ssir nhar il-Ħadd 9 ta’ Marzu. Din se tibda fid-9:15 ta’ filgħodu minn quddiem il-monument tal-Indipendenza fil-Furjana sa’ Tas-Sliema u mistennija tieħu madwar siegħa u kwart. Il-mixja hija miftuħa għal kulħadd.
Jekk trid iżjed informazzjoni jew tixtieq isaqsi dwar il-kanċer tas-sider tista’ żżur is-sit www.europadonnamalta.org.mt.