​Awdjo: “Qed niffrankaw €4 miljun fis-sena bil-bezzun tal-Airmalta”

Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li l-Airmalta se żżomm l-isem u l-arma li għandha bħalissa, iżda se jkollha sieħeb strateġiku ġdid li jopera f’dan il-qasam.
Fil-programm Ma' Bundy fuq RTK, qal li l-viżjoni tal-Gvern hija li jara Airmalta b’14 –il ajruplan u li tagħmel il-profitt.
Tkellem ukoll dwar l-ikel li jingħata abbord it-titjiriet tal-Airmalta fejn qal li bl-introduzzjoni tal-bezzun, ġew iffrankat €4 miljun fis-sena. Qal li kellha tittieħed id-deċiżjoni biex tissolva l-problema tal-ikel li kien hemm mal-kuntrattur. Ammetta li l-kwalità tal-bezzun trid titjieb aktar.
Semma kif anka mal-kumpanija li tipprovdi s-servizzi tal-Informazzjoni Teknoloġika, ġew iffrankati mal-miljun ewro oħra.
Dwar il-passiġġieri li jaslu Malta, qal li 43 minn kull 100 jiġu bl-Airmalta.
Tkellem dwar is-sieħeb strateġiku, fejn il-Ministru Zammit Lewis sostna li l-Gvern irid li jibqa’ jkollu kontroll fuq il-linja nazzjonali tal-ajru. Aċċenna għall-inċentivi u prezzijiet imraħħsa tat-titjiriet li tnedew dan l-aħħar. Qal li tant kienet suċċess, li l-kumpanija kellha taġġorna s-sistema tal-informatika tagħha biex tlaħħaq mad-domanda.
Irrefera għall-pjan ta’ ristrutturar li jagħlaq f’Marzu tal-2016 u qal li ħafna mill-għanijiet tal-Airmalta ntlaħqu. Temm jgħid li fis-sena finanzjarja preżenti, huwa proġettat li t-telf tal-kumpanija se jinżel għal €4 miljun.