Awdjo: “Qed jiġi formalizzat u finalizzat il-Pjan Pastorali” – L-Arċisqof

Miguela Xuereb

Read in English.

Matul l-Assemblea Djoċesana, rappreżentanti tal-komunità Nisranija Maltija taw il-kontribut tagħhom għall-Pjan Pastorali tal-Arċidjoċesi bejn l-2020–2023.

F’kumment ma’ Newsbook.com.mt fi tmiem l-Assemblea, l-Arċisqof Charles Scicluna spjega li f’dawn il-jiem ġie formalizzat u jinsab fil-proċess li jiġi finalizzat il-Pjan Pastorali. Qal li dan sar grazzi għall-esperjenza ta’ djalogu u smigħ reċiproku li kien hemm fl-aħħar jiem.

Aqra: Se titlaqqa’ l-Assemblea Djoċesana; diskuss il-pjan pastorali

L-Assemblea Djoċesana, li seħħet nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa, hija opportunità fejn rappreżentanti varji tal-komunità nisranija Maltija minn kleri  differenti jiltaqgħu, flimkien mal-isqfijiet, sabiex jitkellmu u jaraw “l-Ispirtu ta’ Alla xi jrid jgħid lill-Knisja tiegħu.”

L-Arċisqof irrefera għall-kliem tal-Papa Franġisku waqt iż-żjara pastorali tiegħu fit-Tajlandja fejn stieden lill-Knisja u l-Insara kollha sabiex iżommu fuqhom il-ħarsa ta’ Ġesù. Qal li permezz ta’ din il-ħarsa “aħna nkunu nistgħu ngħumu fil-ħniena li l-Mulej uża magħna u li permezz tagħha jagħtina l-qawwa nħennu għal xulxin.

It-tema tad-dokument li ddiskutew waqt din l-Assemblea hija ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed – Proċess ta’ Dixxerniment Ekkleżjali 2020-2023’. Dan id-dokument jelenka erba’ punti ewlenin għall-Knisja li huma: li tisma’, li tilqa’, li takkumpanja u li toħroġ bla biża’ biex ixxandar il-Bxara t-Tajba. Dan id-dokument huwa ispirat mir-rakkont tad-Dixxipli ta’ Emmaws mill-Evanġelu ta’ San Luqa u nkiteb wara li saret konsultazzjoni wiesgħa ma’ dawk kollha involuti f’diversi ħidmiet tal-Knisja u tas-soċjetà Maltija.

Intant, ilbieraħ filgħaxija, l-Arċisqof ġie intervistat minn George Cassar fuq l-istazzjonn tar-radju 103 Malta’s Heart.