Awdjo: “Qed inħarsu lejn responsabbiltà ċivili kif ukoll kriminali”

L-Avukat Roberto Montalto saħaq li fil-każ tal-inċident ta’ Paceville, potenzjalment qed inħarsu kemm lejn responsabbiltà ċivili kif ukoll lejn responsabbiltà kriminali.
Ma’ Newsbook.com.mt, Dr Montalto qal li responsabbiltà ċivili jkun hemm kull meta xi ħadd isofri danni, filwaqt li jista’ jkollok responsabbiltà kriminali f’numru ta’ xenarji differenti.
Spjega li hemm diversi persuni li fuqhom tista’ taqa’ r-responsabbiltà, li huma l-proprjetarji tal-klabb u l-management tiegħu, il-kumpanija li tipprovdi s-security, min ta bidu għall-inċident u min installa l-istruttura tal-ħġieġ li waqa’, jekk dawn ma kinux installati kif suppost.
Biex wieħed jasal għall-konklużjoni ta’ fuq min taqa’ din ir-responsabbiltà, l-Avukat Montalto qal li trid tħares lejn min ta bidu għall-inċident li wassal għall-inċident finali, lejn jekk il-management tal-klabb ħax ħsieb li ma jidħlux iktar nies milli suppost u lejn kull min b’xi mod jew ieħor naqas minn obbligu ċivili tiegħu.
Rigward il-fatt li fil-mument tal-inċident kien hemm minuri ta’ 13-il sena fil-klabb, Roberto Montalto saħaq li dan il-fattur mhux determinanti biex tiġi stabbilità r-responsabbiltà, iżda jiggrava s-sitwazzjoni.
Spjega li jekk tweġġa’ persuna ta’ 18-il sena u jekk tweġġa’ persuna ta’ 13-il sena, inti xorta għandek l-istess responsabbiltà. Minkejja dan, jekk il-management mhux kapaċi jispjega għalfejn kien hemm minuri ta’ dik l-età fil-klabb, hu jkun qed jikser ir-regolamenti tal-liċenzja tiegħu, u dan il-fattur ikompli jiggrava s-sitwazzjoni.