Awdjo: Qatt tgħid li taf tgħum

Illum beda s-Sajf u jekk għad hawn min ma marx il-baħar, issa jibda jaħseb biex jagħmel l-ewwel għawma tas-sena.
Għal sena oħra, il-bajjiet Għawdxin u anke dawk tal-Blue Lagoon u ta’ Santa Marija f’Kemmuna, qed ikunu mgħassa mill-voluntiera tal-Emergency Response Rescue Corps (ERRC), li l-għan tagħhom mhux biss li jgħinu f’każ ta’ emerġenza, imma anke jikkomunikaw mal-għawwiema minn qabel fuq l-istat tal-baħar.
Il-bnadar li wieħed jara fuq il-bajjiet qegħdin hemm mhux biex iżejnu iżda propju biex jilħqu dan il-għan.
Dwar dan, Newsbook.com.mt tkellem ma’ Matthew Montebello li tkellem dwar l-importanza li qabel ma’ wieħed jinżel jgħum jagħti kas ta’ dawn il-bnadar.
Montebello spjega li waħda mill-aktar bnadar li tiġi njorata, hija l-bandiera l-ħamra li tfisser li l-baħar mhux kalm, hemm il-mewġ u anke kurrenti.
Kompla jgħid li mill-mijiet ta’ nies li jsibu ruħhom f’diffikultà kull sena, fil-maġġoranza tal-każi jkunu injoraw din il-bandiera.
Hemm imbagħad il-bandiera ħamra doppja li twissi dwar periklu qawwi u l-bandiera vjola li tavża lin-nies dwar preżenza ta’ bram.
Mistoqsi jekk il-voluntiera jistgħux iżommu n-nies milli jinżlu jgħumu, Matthew Montebello qal li għalkemm jitkellmu u jwissu lin-nies, bħala ERRC ma għandhomx il-fakultà li jinfurzaw il-liġi u għalhekk irid ikun l-għawwiem li jkun prudenti.
“Il-baħar żaqqu ratba u rasu iebsa u ma għandekx ċans li tirbaħlu,” saħaq Montebello u taf kemm taf tgħum ma tistax tgħid ma xiex se tiltaqa’. Għalhekk appella biex wieħed jagħti kas tal-bnadar u jkun prudenti.
Dwar Kemmuna, Montebello appella biex wieħed joqgħod attent meta jiddeċiedi li jaqsam minn fejn jiefqu d-dgħajjes għan-naħa l-oħra fejn ikun hemm inqas nies. Ħafna jaqsmu waqt li jżommu l-ħwejjeġ u oġġetti oħra fuq rashom u ma jindunawx li f’nofs it-triq il-baħar isir aktar fond u ħafna jispiċċaw jibilgħu l-ilma u jgħajjew.
Ilbieraħ il-voluntiera tal-ERRC irnexxielhom isalvaw tarbija ta’ 19-il xahar li sabet ruħha f'diffikultà fi Blue Lagoon.