“Qatgħalhom il-benefiċċji soċjali għax ħaseb li qed jabbużaw”

Filwaqt li l-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia spjega li matul dawn l-erba’ snin, il-Gvern daħħal diversi inċentivi sabiex jgħin lin-nies li jinsabu fuq il-benefiċċji soċjali, id-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonniċi saħqet li l-Gvern qabad u qata’ n-nies minn fuq il-benefiċċji soċjali għax ħaseb li qed jabbużaw mingħjar ma tkellem magħhom.
Waqt il-programm Follow Up li jixxandar kuljum fl-4.30pm fuq RTK,
Mifsud Bonnici rreferiet għal dak li ħabbar il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali aktar kmieni din il-ġimgħa, li l-bejn l-2012 u l-2016 id-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali naqset bin-nofs.
Il-kelliema għall-PN qalet li minkejja dan, għadd kbir ta’ nies mhux ilaħħqu mal-ħajja. Spjegat li dan qed iwassal għal tbatija kbira fost dawn il-familji.
Dr Mifsud Bonnici rrimarkat ukoll li dan l-aġir tal-Gvern wassal biex quddiem l-Arbitrarju hemm 800 talba ta’ kontestazzjoni.
“Il-Gvern qed iqassam biss għaġin, tonn taż-żejt, ħalib u zalza” – Paula Mifsud Bonnici
Mifsud Bonniċi semmiet kif mill-2012, il-familji fil-bżonn żdiedu b’16%.
Saħqet li hija inġustizzja li minkejja li l-ekonomija sejra tajjeb, din mhux titqassam b’mod ugwali.
Semmiet ukoll kif lill-familji fil-bżonn, il-Gvern qed jagħtihom biss żewġ pakketti għaġin, żewġ laned tonn taż-żejt, pakkett ħalib u bott zalza. Staqsiet jekk dan il-pakkett hux jagħmel tajjeb għan-nuqqas li qed isofru minnu dawn il-familji.
“Qed nibagħtu nies imħarrġa għand il-familji biex jgħinuhom”
Dwar dan il-Ministru Michael Farrugia stqarr li inizjattiva li ħa l-Gvern hija li flimkien mat-tqassim tal-ikel tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern jagħti l-ikel ukoll.
Spjega li din il-ħidma mhux tieqaf s’hemm biss, iżda qed jitħarrġu għadd ta’ professjonijiet biex ikunu jistgħu jżuru l-familji fil-bżonn. Dan sabiex jgħinuhom fil-ħtiġijiet ta’ kuljum, fost l-oħrajn li juruhom l-importanza li wliedhom imorru l-iskola u l-valur li joħorġu jaħdmu. 
“Il-Gvern daħħal diversi inċentivi biex jgħin lin-nies” – Michael Farrugia
Il-Ministru Farrugia spjega li bħalissa hawn 2,585 persuna bit-Tapering of Benefits, jiġifieri dawk li qed jaħdmu u l-benefiċċji qed jitnaqqsulhom ftit ftit sakemm ma jibqgħux dipendenti fuqhom.
Fost inizjattivi oħra, il-Ministru semma l-Inwork Benefit u ċ-childcare b’xejn bħala miżuri li għenu biex anqas nies jistennew il-benefiċċji tal-istat u aktar ixammru l-kmiem biex jaħdmu.