Awdjo: Qara l-futur l-artist Malti bl-istatwa ‘għal Daphne’?

Artist Malti li ħoloq skultura b’tifkira tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia qal li jidher li dak li naqqax f’qiegħ l-iskultura seħħ tassew.
Ma’ Newsbook.com.mt l-artist Kevin Scerri qal li kull parti mix-xogħol tal-arti tirrappreżenta xi ħaġa differenti. Fisser li l-id forma ta’ ponn qed iżżomm lapes imkisser hija magħmula minn injam irħis li mhux maħdum b’reqqa.
Spjega li l-id tista tkun ta’ kwalunkwe persuna u li trid iżżomm iebes kontra ċertu nies. Min-naħa l-oħra, il-bażi hija aktar fina – dan jirrappreżenta li wieħed irid ikun pur.
Il-bażi hija forma ta’ għadira li tirrappreżenta d-demm. Werqa tar-rand qed tistrieħ fuq l-għadira tad-demm u din tirrappreżenta lil Daphne Caruana Galizia.
Fil-qiegħ tal-iskultura hemm miktub “jekk tkisser il-lapes tagħna, aħna se nittempraw il-biċċiet kollha u niġu lura…b’aktar saħħa!”
Il-ħruxija li biha nqatlet Daphne Caruana Galizia ispirat lil Scerri biex joħloq din l-iskultura xahar wara l-assassinju tagħha. Jemmen li l-kliem li naqqax diġà qed iseħħ fid-dawl ta’ The Daphne Project.
Scerri qal li permezz tal-iskultura jixtieq iwassal messaġġ lill-ġurnalisti investigattivi biex ma jiqfux meta jiffaċċjaw id-diffikultajiet.
Scerri ppreżenta l-iskultura lill-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani fl-okkażżjoni  tal-Jum tal-Libertà tal-Midja. 
The Daphne Project huwa magħmul minn konsorzju ta’ 45 ġurnalist minn 18-il organizzazzjoni tal-midja madwar id-dinja, fosthom it-Times of Malta.